Il-MPE Josianne Cutajar fdata b’ħidma oħra f’isem is-Soċjalisti

Il-Membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar inħatret bħala negozjatrici f’isem s-Soċjalisti fil-kumitat ITRE b’rabta maċ-ċertifikazzjoni ta’ attivitajiet biex jitneħħa l-karbonju mill-atmosfera, attivitajiet li jgħinu biex jitnaqqsu l-effetti tat-tniġġis u titjieb il-kwalità tal-arja għal kulħadd. 

Dawn l-attivitajiet u l-inizjattivi, li jistgħu jitwettqu mill-bdiewa u operaturi oħra bbażati f’setturi, reġjuni u Stati Membri differenti, huma essenzjali sabiex l-Unjoni Ewropea tilħaq il-miri tan-newtralità klimatika fid-dawl tal-isfidi ambjentali li qed naffaċċjaw. 

F’kummenti relatati mal-ħatra tagħha, Dr Josianne Cutajar qalet li dan il-qafas hu essenzjali biex tingħata kredibbiltà lill-isforzi tal-Unjoni Ewropea għat-tneħħija tal-karbonju u investimenti relatati, inkluż fil-qasam tal-karbonju blu li għandu potenzjal kbir għal gżejjer u reġjuni kostali bħal Malta u Għawdex. Dan il-qafas għandu jkun akkumpanjat minn sforzi u investmenti fir-riċerka u innovazzjoni. 

Hija saħqet ukoll li huwa essenzjali li din il-proposta tqis b’mod adegwat l-ispeċifiċitajiet tekniċi, strutturali u/jew ġeofiżiċi ta’ reġjuni u Stati Membri differenti, u li l-piż amministrattiv jinżamm għall-minimu possibbli, speċjalment għall-bdiewa u operaturi żgħar, kif ukoll għall-SMEs. “L-isforzi u l-miri ambjentali tal-Unjoni Ewropea, inkluż f’dan il-proċess ta’ ċertifikazzjoni, ikunu ta’ suċċess biss jekk ikunu akkumpanjati mill-assistenza meħtieġa fil-bini tal-kapaċità, il-ħiliet u l-appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri u r-reġjuni differenti, flimkien mal-ħaddiema u l-intraprendituri konċernati” ikkonkludiet Josianne Cutajar.

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn