Fuq quddiem nett – il-Ħaddiem

Il-bieraħ il-pajjiż ingħaqad biex jiġi ċċelebrat jum li huwa bil-wisq marbut mal-Partit Laburista: Jum il-Ħaddiem. Kif nafu ilkoll ir-rabta bejn il-Partit Laburista u l-ħaddiem tmur lura snin twal. U t-tema magħżulha din is-sena mill-Gvern, ‘Insaħħu lill-Ħaddiem’, propju tirrifletti snin kbar ta’ ħidma sfieqa biex il-ħaddiem jieħu d-dinjità li tixraqlu.

Ma ninsewx żewġ dati li juruna kif kienet il-qagħda tal-ħaddiem f’pajjiżna: 1919 u 1958. Is-7 ta’ Ġunju 1919 ifakkar protesti mdemmija kontra l-barrani matul perjodu fejn il-poplu kien imxebba bil-qgħad u bl-għoli fil-prezz tal-ħobż. Il-karba tal-poplu ma waqfitx mal-protesti, u tnax-il Malti waqqfu għaqda politika f’isem il-ħaddiema, La Camera del Lavoro – it-twelid tal-Partit Laburista.

Imbagħad ġrajja li fakkarna ftit jien ilu, li tmur lura għas-sena 1958. Fil-bidu tas-snin ħamsin kellna sfidi kbar f’Malta. Il-kwalità tal-ħajja ta’ eluf ta’ Maltin u Għawdxin ftit li xejn kienet inbidlet mis-snin ta’ qabel it-tieni gwerra dinjija. Familji jgħixu fil-faqar u bi ftit opportunitajiet ta’ xogħol u t-theddida tas-sensji dejjem preżenti. Hawnhekk naraw il-qawmien tal-Perit Dom Mintoff, b’ħidma b’saħħitha favur il-ħaddiem, bit-tkattir ta’ din il-ħidma tkompli bla heda mill-mexxejja u Prim Ministri Laburisti li sewgew, sal-Prim Ministru tal-lum Robert Abela.

Imma filwaqt li ma nistgħu qatt ninsew dak li għadda minnu l-ħaddiem fis-snin li għaddew, għandna dejjem inħarsu lejn il-preżent u l-futur u dwar x’nistgħu nagħmlu aktar għall-ħaddiema tagħna li l-isfidi tagħhom jevolvu maż-żminijiet.

Intant filwaqt li dejjem importanti niftakru minn fejn tlaqna, tajjeb ma ninsewx ukoll l-istorja politika li qed tinkiteb bħalissa. F’nofs pandemija li ħasdet dinja, Gvern Laburista għal darboħra kien proattiv favur il-ħaddiem.

Id-deċiżjonijiet f’waqthom tal-Gvern salvaw 100,000 impjieg, f’sena ta’ pandemija. Bħala miżuri ewlenija rajna investiment ta’ €415 miljun f’wage supplement (sa €800 għal kull ħaddiem full-time) biex il-kumpaniji milquta mill-pandemija u r-restrizzjonijiet li ġabet magħha setgħu jkomplu jħaddmu n-nies. L-għajnuna tal-Gvern bil-wage supplement u benefiċċji relatati mal-COVID-19 laħqu lil madwar 100,000 impjegat, nofs l-impjegati kollha fis-settur privat.

Meta nħares lejn il-ħaddiem ma nistax ma nsemmix ukoll il-ħidma bħala Membru Parlamentari Ewropew. U tispikka d-differenza, b’baħar jaqsam, sfortunatament, meta nqabbel il-ħidma tiegħi u tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew, mal-ħidma tal-Membri Parlamentari f’isem il-Partit Nazzjonalista.

Dak li jiġri u jingħad fil-Parlament Ewropew, kif dejjem għidt, u nibqa’ nenfasizza, jista’ jaffettwa bil-kbir lill-ħaddiem Malti u Għawdxi. Il-manuvri mill-Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Nazzjonalista u l-eks Kap tal-Partit, Simon Busuttil, biex saret ir-riżoluzzjoni ta’ din il-ġimgħa, kienet ukoll ħidma kontra l-ħaddiem ta’ pajjiżna. Riżoluzzjoni inġusta ma’ Malta u mar-riformi li qed iwettaq Gvern Laburista fuq l-istat tad-dritt, u riżoluzzjoni inopportuna mhux f’waqtha meta hemm xhieda maġġuri li qed tinstema’ fil-każ ta’ Daphne Caruana Galizia. Riżoluzzjoni, bi ħsieb partiġġjan warajha, li tinjora dawn l-iżviluppi pożittivi li għadni kemm semmejt. Ma jġibux quddiem għajnejhom li dan kollu, iva, jista’ jaffettwa l-għajxien tal-ħaddiem Malti u Għawdxi, hu min hu, u hu ta’ liema twemmin politiku hu.

Jien se nibqa’ naħdem sabiex toħroġ il-verita’ kollha dwar pajjiżi u dwar l-iżviluppi pożittivi u riformi kbar li qed iwettaq Gvern Laburista, liema żviluppi għandhom it-timbru tal-Kummissjoni Venezja, il-Kummissjoni Ewropea u anke l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Ser inkompli naħdem ukoll sabiex bil-ħidma tiegħi fil-Parlament Ewropew, inkompli ngħin lill-ħaddiem Malti u Għawdxi f’setturi li jolqtuh direttament.

Insemmi, per eżempju, il-kisba li għamilt fir-rapport tal-Parlament Ewropew dwar l-Istrateġija dwar in-Negożji Żgħar u Medji, li minnhom jiddependu eluf ta’ ħaddiema Maltin u Għawdxin. Fl-istess rapport assigurajt li jintalab li filwaqt li jkun hemm inqas piż amministrattiv fuq dawn in-negozji, dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-ogħla livelli soċjali u l-protezzjoi tas-saħħa u s-sigurta’ tal-ħaddiem.

Fejn tidħol il-Green Deal u d-dimensjoni soċjali tagħha, qed naħdem favur tranżizzjoni ambjentali li tinkludi l-protezzjoni tal-impjiegi tal-ħaddiema tagħna, inkluż permezz tal-ħiliet neċessarji, sabiex nassiguraw li ma nħallu lil ħadd warajna.

U ma tonqosx il-ħidma fis-settur turistiku u l-eluf ta’ ħaddiema dipendenti minnu, kemm b’mod dirett, u wkoll indirett. Sat-Tlieta li għadda stess tkellimt fil-plenarja, f’dibattitu li kellna mal-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-turiżmu. Komplejt ninsisti li wara aktar minn sena ta’ restrizzjonijiet, b’perjodi anke t’għeluq totali, is-settur tal-ospitalità issa qed jaffaċċja r-riskju li jitlef staġun ieħor tas-Sajf jekk ma naġixxux b’mod effettiv.

Sħaqt li rridu naraw li jkun hemm mekkaniżmi t’appoġġ adegwati sakemm dan is-settur verament jiġi fuq saqajh u semmejt l-importanza li nkomplu nikkoordinaw f’dan is-settur. Bħala l-qalb u r-ruħ tal-Ewropa, it-turiżmu irid jingħata l-appoġġ li jistħoqqlu. U se nkompli nistinka sakemm nara li dan is-settur jirkupra għax ma nistgħux nipperikolaw ix-xogħol ta’ tant ħaddiema li jiddependu minnu.

Nagħlaq b’apprezzament lejn il-ħaddiema kollha, speċjalment lejn missieri, li minkejja li llum pensjonant, dejjem għallimni xi jfisser li tkun ħaddiem umli, xi tkun bżulija u għaqal fuq il-lant tax-xogħol u kemm hu importanti li naħdmu bla heda sabiex nassiguraw id-dinjita’ ta’ kull ħaddiem, hu min hu, jagħmel x’jagħmel u ġej minn fejn ġej.

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn