Ħaqqna l-aħjar

Ħaqqna l-aħjar aċċess għall-mediċini u ħaqqna wkoll l-aħjar kura. Id-dritt għall-aċċessibbiltà u l-affordabbiltà fil-qasam tas-saħħa jixpruna diskussjonijiet kbar fuq livell Ewropew, xejn anqas issa li qed inħarsu lejn iż-żmien ta’ wara pandemija globali.

 

Bħalissa, fl-Unjoni Ewropea qed naħdmu fuq l-istrateġija dwar il-Farmaċewtika bil-għan li tissaħħaħ il-kompetittività tal-industrija kif ukoll l-affordabilità u l-aċċessibbiltà tal-mediċini. Intant, il-Kummissjoni Ewropea ikkommettiet ruħha li b’din l-istrateġija tistudja mezzi differenti kif l-Unjoni jkollha mediċini u kura ta’ kwalità li jilħqu l-aspettattivi tal-pazjent, apparti li jkunu affordabbli. L-istrateġija se taħdem ukoll biex tissaħħaħ ir-relazzjoni bejn mediċini jew riċerki ġodda li qed ifeġġu u l-bżonnijiet tal-pubbliku. Dan jista’ jnaqqas il-bżonn li l-Istati Ewropej jiddependu minn materjal impurtat minn pajjiżi terzi, u jgħin biex kumpaniji fil-qasam tal-farmaċewtika fl-Ewropa stess isiru aktar kompetittivi b’mod globali.

 

Tajjeb li infakkru, li anke fuq livell lokali, il-Gvern Malti hu impenjat sabiex jiżgura l-affordabbiltà u l-aċċessibbiltà għall-mediċini. Mill-2013 sal-lum, b’kollox traħħas il-prezz ta’ aktar minn 300 mediċina f’Malta, u ġiet introdotta 226 ġenerika ta’ kwalità tajba bi press imraħħas. Fl-aħħar ġimgħat, smajna aħbar ta’ traħħis sa 59% fil-prezzijiet ta’ 42 mediċina li diġà kienu fis-suq. Minkejja sfidi bħall-Brexit u l-COVID-19, se jkunu introdotti wkoll 29 mediċina ġenerika ta’ kwalità fis-suq Malti bi prezz sa 73% orħos minn f’pajjiżi oħra.

 

Lura għas-suq Ewropew, nemmen ukoll li l-istrateġija għall-Farmċewtika għandha timxi id f’id ma’ investiment li diġà hemm ippjanat taħt il-programm Horizon Europe, li bħalissa qed naħdem fuq l-implimentazzjoni ta’ parti minnu. Wara ftehim bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew se jkollna fond ta’ €95 biljun, li parti minnu se jiffoka fuq riżorsi addizzjonali u riċerka adegwata fil-qasam tas-saħħa. Għandi fiduċja kbira f’dan il-programm għaliex  ir-riċerka u l-iżvilupp fis-saħħa u l-mediċina jistgħu jagħtu imbuttatura b’saħħitha lil dan il-qasam u l-aċċessibbiltà tiegħu.

 

Onorata li bħala negozjatur fl-implimentazzjoni ta’ din il-parti tal-programm, se jkunu msaħħa wkoll ftehimiet bejn il-Kummissjoni, Stati Membri u l-privat sabiex flimkien mal-aktar partijiet interessati fis-settur, nippromwovu r-riċerka u l-innovazzjoni bl-għan li naslu għal soluzzjonijiet kompettivi għal sfidi li qed naffaċjaw. Din il-parti tal-programm se tiffoka wkoll fuq ekosistema komuni għall-Unjoni Ewropea fejn tidħol l-innovazzjoni fis-saħħa. L-għan hu li jonqos iż-żmien ta’ bejn ir-riċerka u r-riżultat aħħari li jara l-pazjent, kif ukoll li r-relazzjoni u l-proċess ta’ bejn l-għarfien u l-kura jissaħħaħ. B’hekk nassiguraw ukoll li kwistjonijiet ta’ saħħa li s’issa ma ġewx indirizzati b’mod addattat, ikollhom l-għodda li hemm bżonn.

 

Apparti li tkun kompetittiva, l-industrija tas-saħħa fl-Ewropa, għandha tkun b’saħħitha biżżejjed biex tindirizza l-bżonnijiet tal-pazjent bl-aqwa mod. Għalhekk ikkommettejt ruħi biex nimbotta għal involviment akbar ta’ għaqdiet li jagħtu vuċi lill-pazjent u tas-soċjeta’ ċivili.

 

Punt partikolarment għal qalbi hu li permezz  tar-riċerka u l-innovazzjoni rridu nsaħħu l-ġlieda kontra l-mard rari. Fil-ħidma tiegħi ltqajt ma’ diversi assoċjazzjonijiet li jaħdmu ma’ pazjenti b’mard rari, u tkellimt ukoll ma’ pazjenti u qrabathom, fejn rajt b’għajnejja t-tbatijiet li jgħaddu minnhom. Irridu niftakru li l-mard rari jaffettwa mat-30 miljun persuna fl-Ewropa, aktar mill-popolazzjoni tal-Belġju u l-Olanda f’daqqa.

 

Għodda essenzjali oħra fejn jidħol il-qasam tal-mard rari u l-aċċessibbiltà għal kura adekwata hi l-użu tat-teknoloġija. Filfatt, meta f’Novembru l-Kummissjoni pproponiet ‘l-Unjoni Ewropea tas-Saħħa’,  semmiet pjan ta’ sorveljanza fuq livell Ewropew li jopera bl-intelliġenza artifiċjali. Dan jiffaċilita l-mod kif il-Kummissjoni żżomm informazzjoni dwar sodod disponibbli f’kull pajjiż, in-numru ta’ professjonisti mħarrġa u l-kapaċità fil-kura intensiva. Proposta oħra hija pjan ta’ preparazzjoni minn kull Stat Membru, b’għajnuna mill-aġenziji Ewropej fit-twettiq tiegħu. L-għan aħħari tal-Unjoni tas-Saħħa hu li tgħin sabiex ikun hemm koordinament aħjar f’dan il-qasam u l-aħjar rispons għal kriżijiet futuri.

Ħidma importanti qed issir ukoll grazzi għall-programm EU4Health, li se jara li jiġu investiti daqs ħames miljun ewro sabiex jiġu indirizzati sfidi bħall-ġlieda kontra l-kanċer u l-aċċessibilita’ għall-mediċini.

 

Għalija l-ħidma li se tkompli fix-xhur li ġejjin fi Brussell tirrifletti d-dritt bażiku ta’ kull individwu għal kura tas-saħħa adegwata, b’mod li taddatta ruħha wkoll għal realtajiet ġodda. Dan se jkun pass importanti biex minn issa nibdew nibnu qasam tas-saħħa ħolistiku u reżiljenti fuq livell Ewropew, li jżomm il-pazjent fiċ-ċentru ta’ ħidmietu.

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn