Jum L-Ewropa: żmien għall-awtokritika?

Illum il-kontinent tagħna jiċċelebra Jum l-Ewropa, liema jum ifakkarna fid-dikjarazzjoni ta’ Schuman li wasslet għal aktar kollaborazzjoni fuq livell Ewropew. L-istorja urietna li l-kollaborazzjoni Ewropea hija t’importanza kbira f’kontinent li fil-passat ħlief gwerer ma rax. M’hemmx għalfejn ngħid li hija xi ħaġa sabiħa ħafna li tara nies ġejjin minn stati differenti jikkollaboraw flimkien, isiru ħbieb u jaħdmu ma’ xulxin, minflok jiġġieldu u jilletikaw.

 

Biss pero’, din il-kollaborazzjoni hija xi ħaġa ħajja. Mhux xi ħaġa li nagħmluha darba u daqshekk, anzi, trid tiġi sostnuta b’mod kontinwu. Sfortunatament, qegħdin naraw li f’dan ir-rigward ġieli nillargaw, anke jekk din m’hix dejjem xi ħaġa intenzjonata.

 

Il-valur tal-ugwaljanza bejn l-istati membri, irid dejjem jibqa’ f’moħħ kull wieħed u waħda minna. Naturalment, dak li japplika għall-Ġermanja mhux dejjem japplika għal Malta u viċi versa. Ma tistax tqabbel pajjiż ta’ 80 miljun, ma wieħed ta’ nofs miljun. Lanqas tista’ tqabbel pajjiż kontinentali ma’ wieħed Mediterranju, aktar u aktar meta nitkellmu fuq pajjiżi gżejjer bħalna u bħal Ċipru. Il-“one size fits all” qatt ma ħadem, u għalhekk hu importanti wkoll li nħaddmu b’mod tajjeb il-valur tas-sussidjarita’, b’responsabbiltajiet maqsuma bejn il-membri stati u l-Unjoni innifisha.

 

Iva, jrid ikollna prinċipji u regoli komuni li jiggwidawna fil-ħidma tagħna. Imma dawn m’għandhomx iservu bħala penali għaċ-ċirkostanzi partikolari tagħna u l-innovazzjoni li tippermettilna nkunu uniċi u kompettitivi. Hawnhekk ma nistax pereżempju ma nsemmix il-kwistjoni tat-tassazzjoni. Dan l-aħħar din il-kwistjoni ħadet anke spinta globali, b’uħud isejħu għal rata ta’ taxxa minima globali fuq il-kumpaniji. Forsi xi ħaġa bħal din tkun favorevoli għal pajjiżi kbar. Imma għal pajjiżi iżgħar, fosthom Malta, li m’għandniex ir-riżorsi li għandhom pajjiżi kbar, tolqotna ħażin għax taffetwalna l-kompettivita’  

 

Huwa għalhekk li irid jiġi żgurat li kwalunkwe riforma potenzjali fi kwalunkwe qasam, tħares bis-serjeta’ lejn kif se jiġu mgħejuna b’mod adegwat pajjiżi li jkunu se jaffaċjaw sfidi partikolari minħabba bidliet li jridu jsiru, u dan sabiex ma jispiċċawx ibatu u jmorru agħar. Dan hu punt li personalment dejjem inżomm f’moħħi, fuq quddiemnett tal-ħidma tiegħi: l-importanza li s-sitwazzjoni partikolari ta’ reġjuni differenti, inkluż tal-gżejjer tagħna, ma tiġix injorata.

 

 

Intant il-pożizzjoni tiegħi fuq kwistjonijiet bħal dawn dejjem kienet waħda ċara. Propju sena ilu dan deher biċ-ċar meta ressaqt emendi li kuntenta ngħid li ġew appoġġjati mill-MPE Maltin kollha fir-rigward tas-settur tal-ġarr tal-merkanzija mit-trakkijiet. Għaliex ngħiduha kif inhi, hija xi ħaġa irrazzjonali li tisforza lil kumpaniji Maltin iġibu t-trakkijiet tagħhom Malta mill-inqas kull tmien ġimgħat bla bżonn ta’ xejn, b’dannu ambjentali u bi spejjeż kbar.  Regoli bħal dawn applikati bl-istess mod għalina, daqs kemm huma applikati għall-pajjiż u operatur miċ-ċentru tal-Ewropa huma askapitu tan-negozji u ċ-ċittadini tagħna! Ifissru wkoll li joħolqu ċerta qasmiet fi ħdan l-istess Unjoni Ewropea propju għax ma jqisux dawn ir-realtajiet differenti.

 

 

Irridu naċċertaw ukoll li fejn setturi oħrajn, bħas-settur marittimu, jintalbu jagħmlu tibdil bżonnjuż iżda konsiderevoli, pajjiżi bħal Malta jiġu mgħejuna u jingħataw biżżejjed nifs biex jaddattaw għat-tibdiliet neċessarji; u mhux naraw bidla minn lejl għan-nhar. Sfortunatament issib nies li jridu jagħmlu rivoluzzjoni kontinentali mil-lum għal għada mingħajr l-għajnuna li hemm bżonn…imma lanqas ir-rivoluzzjoni Amerikana li wasslet għat-twelid ta’ superpotenza ma saret mil-lejl għan-nhar, anzi damet snin twal biex ħalliet ir-riżultati tagħha!

 

 

Dan kollu ngħidu mhux għax ma rridx nara tibdiliet, jew inkella għax ma rridx li jkun hemm kunsens Ewropew. Anzi, ngħidu għaliex nemmen bis-sħiħ li huwa bl-awtokritika biss li nistgħu naslu għal Ewropa li tibni fuq pedamenti ta’ solidarjeta’ effettiva, Ewropa li ma tħalli lil ħadd warajha.  Mela le, ejja nagħmlu l-bidliet li hemm bżonn li jsiru imma billi nilħqu l-bilanċ meħtieġ. Il-bilanċ irid jintlaħaq bi qbil bejn kulħadd, u mhux permezz tal-kbir li ġieli jipprova jgħaddi b’gaffa minn fuq iż-żgħir.

 

 

Ngħiduha kif inhi, din tal-aħħar rajna uħud jippruvaw jagħmluha mhux ftit fil-kwistjoni tal-migrazzjoni. Għaliex hi realta’ li issib uħud li jridu jimponu sistema ta’ taxxa komuni bejn il-membri stati kollha, imma mbagħad ma jkunux iridu li tinqasam ir-responsabbilta’ tal-immigrazzjoni irregolari b’mod effettiv bejn kulħadd.

 

 

Biex nikkonkludi, irrid ngħid li l-politika Ewropea taf tidher mimlija kuntradizzjonijiet, għaliex għandha fi ħdanha wkoll interessi u sitwazzjonijiet differenti. Xogħol l-Ewropa bħala Unjoni huwa li tilħaq kompromess, iżda li tfittex ukoll li l-interessi ta’ kulħadd jiġu rispettati, mill-kbir saż-żgħir. Jekk dan isir, ser naraw Ewropa aktar b’saħħitha, mentri jekk le, ser ikollna l-problemi.

 

Filwaqt li nawguralkom Jum l-Ewropa t-tajjeb, inġedded l-impenn tiegħi sabiex bi kburija nibqa’ naħdem favur pajjiżi, nibqa’ naħdem biex ikollna Unjoni Ewropea inklussiva u solidali fil-prattika.

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn