L-għodod diġitali u l-għarfien tal-lingwa jimxu id f’id

Fil-jiem li għaddew għadna kif iċċelebrajna l-Jum Internazzjonali tal-Lingwa Materna— jum li jfakkar id-diversità kbira ta’ lingwi li għandna fid-dinja, il-ħtieġa li nibżgħu għalihom u s-sehem kruċjali tagħhom fit-tisħiħ tal-wirt kulturali tal-popli li jitkellmuhom.

 

Iżda fl-epoka diġitali, u aktar u aktar fl-eqqel ta’ pandemija li ġabet il-bżonn ta’ distanzi fiżiċi bejnietna, l-għarfien diġitali u l-abbiltà tagħna fl-użu tal-lingwa irridu niżguraw li jimxu dejjem aktar id f’id.

 

Għalhekk mhuwiex ta’ b’xejn li illum nitkellmu mhux biss fuq litteriżmu fis-sens tradizzjonali, jiġifieri li persuna tkun taf tikteb u taqra, iżda wkoll dwar il-litteriżmu diġitali — jiġifieri l-abbiltà li wieħed juża u jkun jaf iħaddem u jikkomunika b’għodod u teknoloġiji diġitali.

 

Fil-fatt, permezz tal-Pjan ta’ Azzjoni tagħha dwar l-Edukazzjoni Diġitali għas-seba’ snin li ġejjin, il-Kummissjoni Ewropeja għadha kif sejħet għal aktar kooperazzjoni bejn l-Istati Membri biex it-tagħlim diġitali jintlaħaq minn kulħadd, ikollu infrastruttura u livelli ta’ konnettività tajba, b’kontenut ta’ livell u għalliema li jkunu familjari sew mal-għodod elettroniċi ta’ tagħlim u taħriġ.

 

Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar l-ekosistema diġitali u dik tal-lingwa se jkunu qed jiddependu minn xulxin biex il-persuna tirnexxi. Il-ħidma tagħna ta’ kuljum se tkun dejjem aktar tiddependi fuq kemm aħna mħarrġa fl-użu tal-informatika u tal-pjattaformi diġitali, daqskemm fil-mod ta’ kif nikkomunikaw bil-lingwa verbali u miktuba.

 

Iva, irridu kontinwament nibqgħu nieħdu ħsieb dawk il-persuni kollha li m’għandhomx aċċess diġitali tajjeb, minħabba l-età, jew diżabilità speċifika, jew sfidi oħra, u nsostnuhom bil-mezzi neċessarji biex itejbu ħajjithom u l-opportunitajiet tagħhom.

 

Iżda irridu naċċertaw ukoll li t-tagħlim u l-użu tal-lingwi fil-komunikazzjoni diġitali ikun dejjem iżjed disponibbli għal kulħadd, u ċertament, sa mill-bidunett tal-vjaġġ edukattiv ta’ wliedna.

 

Fil-messaġġ tagħha għall-Jum Internazzjonali tal-Lingwa Materna, l-UNESCO saħqet fuq il-punt li t-tagħlim ibbażat fuq il-lingwa materna irid jibda minn kmieni f’ħajjet uliedna, għax dan it-tagħlim joħloq il-bażi għall-bqija tat-tagħlim kollu li l-persuna tirċievi tul il-ħajja.

 

B’rabta ma’ dan il-jum, fil-Parlament Ewropew ressaqt Mistoqsija Parlamentari li fiha tlabt aktar tagħrif mill-Kummissjoni Ewropeja dwar il-livell ta’ impenn tagħha lejn politika li twessa’ l-użu tal-lingwi Ewropej permezz ta’ għodod elettroniċi u diġitali li jagħmlu Ewropa aktar demokratika fit-tħaddim tal-lingwi tagħha.

 

Il-prinċipju tal-multilingwiżmu huwa wieħed protett fit-Trattati Ewropej, u permezz t’hekk iċ-ċittadini għandhom id-dritt li jikkomunikaw mal-istituzzjonijiet Ewropej fi kwalunkwe mill-ilsna uffiċjali tal-Unjoni Ewropeja, inkluż l-ilsien Malti.

 

Fil-fatt, fis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew, jien stess nagħmel dejjem mod li nuża ilsien art twelidi — il-Malti — biex bih inwassal l-interventi tiegħi.

 

Iżda lil hinn minn hekk, fil-jiem li għaddew sħaqt li t-tisħiħ u l-promozzjoni ta’ dan il-prinċipju ewlieni — il-multilingwiżmu —  għandhom ikunu żgurati ukoll permezz ta’ għodod diġitali adegwati u b’użu kemm jista’ jkun mifrux u aċċessibbli tagħhom.

 

Kull lingwa tibqa’ għodda ewlenija li biha tgħix u tikber is-soċjetà li titkellimha. Is-saħħa ta’ lingwa spiss hi meqjusa bħala kejl ta’ kemm soċjetà tinvesti fiha nfisha u fl-għarfien tal-kulturi diversi fi ħdanha.

 

Fi kliem ieħor, l-użu ta’ lingwi differenti — bħalma hu l-każ fl-Unjoni Ewropeja — huwa mezz ta’ kif nibnu soċjetà li tikber b’mod aktar sostenibbli. U huwa proprju għalhekk li qajjimt dawn id-domandi mal-Kummissjoni Ewropea.

 

Kemm qed jingħata inċentiv sabiex l-użu ta’ teknoloġiji ta’ traduzzjoni minn lingwa għal oħra jilħqu liċ-ċittadini Ewropej kollha? Kemm qegħdin naħdmu lejn demokrazija sħiħa fl-użu tal-lingwi u fl-aċċess għal riżorsi elettroniċi li bihom nistgħu naqraw, nitkellmu u nifhmu lil xulxin f’ilsna diversi?

 

U b’liema modi qed nippromwovu għodod elettroniċi illum, bħalma hija per eżempju l-funzjoni awto-korrettiva fid-dokumenti, u nagħmluhom aċċessibbli għall-ilsna Ewropej kollha?

 

Il-Kummissjoni Ewropea se tkun qed timbarka fuq djalogu strateġiku mal-Istati Membri sabiex titħejja proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-fatturi li sal-2022 jistgħu iwasslu għal suċċess fit-tagħlim diġitali.

 

Dan is-suċċess se jkun jiddependi wkoll fuq il-mod kif se nisfruttaw il-potenzjal tal-lingwi materna permezz tat-teknoloġiji, pjattaformi u mezzi ta’ komunikazzjoni fi żmienna.

 

Dan jinkludi ukoll l-użu prudenti u mhux offensiv tal-lingwi tagħna fuq il-medja soċjali.

 

Meta d-diskors onlajn inżommuh fil-parametri tad-diċenza nkunu mhux biss qed nirrispettaw lil xulxin u lilna nfusna, iżda wkoll lill-ilsien tagħna u lil dawk kollha li jitkellmuh.

 

Daqstant ieħor importanti huma inizjattivi fit-tagħlim diġitali li bihom jissaħħu l-kulturi lokali tal-pajjiżi u tar-reġjuni li fihom jitħaddmu l-ħafna lingwi li għandu l-kontinent Ewropew.

 

L-investiment fl-ilsien Malti u fil-promozzjoni tiegħu irid jissaħħaħ, u daqstant ieħor irridu inkomplu ninvestu fit-taħriġ u t-tkabbir tal-lingwa tas-sinjali bil-Malti.

 

Għax fl-aħħar mill-aħħar, kull lingwa tagħtina lenti unika li minnha nħarsu lejn id-dinja — u li biha nifhmu aħjar lil xulxin.

 


Dr Josianne Cutajar hija Membru tal-Parlament Ewropew.

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn