L-MPE Josianne Cutajar b’ħidma intensiva fil-qasam tat-Turiżmu

Bla dubju ta’ xejn, wieħed mill-muturi tal-ekonomiji madwar id-dinja, huwa s-settur turistiku. Anki jekk tħares lejn pajjiżna tara li dan is-settur huwa kolonna tal-ekonomija tagħna. Minn din l-industrija jaqilgħu l-għajxien tagħhom eluf kbar ta’ Maltin u Għawdxin.

Statistika turi li fl-2019, meta konna ‘l bogħod mis-sitwazzjoni dinjija tal-pandemija, it-turisti li żaru pajjiżna nefqu mhux anqas minn €2.2 biljun. Dik is-sena, inkluż passiġġieri bil-vapuri tat-turisti, żaru l-gżejjer Maltin 2,771,888 turist. F’dik is-sena kien hemm ukoll aktar minn 23,000 ħaddiem bejn full-time  u part-time jaħdmu f’oqsma relatati – kemm dirett u wkoll indirett – mat-turiżmu.

Kollox kien jindika li s-sena 2020 kienet se tkun sena oħra rekord għal pajjiżna. Imma sfortunatament, f’Marzu faqqgħet il-pandemija li madwar id-dinja kollha, Malta mhux eċċezzjoni, tefgħet lil dan is-settur, flimkien ma’ oħrajn, f’inċertezza kbira.

Mal-ewwel bdiet ħidma kemm fuq livell internazzjonali, Ewropew, u wkoll lokali, biex dan is-settur ikun megħjun. Ma tistax titkellem dwar din il-ħidma jekk ma tiddiskutix mal-Membru Parlamentari Ewropew Dr Josianne Cutajar. Dr Cutajar ilha minn Marzu li għadda għaddejja b’ħidma, laqgħat u wkoll interventi f’fora Ewropej u lokali, biex tara li dan is-settur ikun mhux biss megħjun, imma wkoll biex, dejjem skont iċ-ċirkostanzi tal-pandemija, jerġa’ jqum fuq saqajh u jirpilja.

Dr Cutajar, fix-xogħol tiegħek fil-Parlament Ewropew inti mpenjata f’diversi oqsma. Fost dawn, sa minn meta faqqgħet il-pandemija f’Marzu tas-sena li għaddiet, intfajt b’ruħek u ġismek tagħti appoġġ permezz ta’ ħidma intensiva fis-settur l-aktar milqut mill-pandemija – it-turiżmu. X’tikkumenta dwar dan?

Iva, huwa fatt illi l-miżuri relatati mal-imxija tal-COVID-19 affettwaw lill-industriji kollha, imma l-qasam turistiku kien wieħed mill-iktar oqsma li ħass l-impatt ta’ din il-pandemija. Huwa stmat li l-linji tal-ajru Ewropej tilfu madwar 90% tad-dħul tagħhom, filwaqt li l-lukandi u risoranti tilfu madwar 85% tad-dħul tagħhom. Dan juri l-impatt li kien hemm f’dan is-settur.

It-turiżmu huwa pilastru ewlieni fil-kuntest soċjo-ekonomiku Malti u jikkontribwixxi b’mod sostanzjali fil-ħolqien tal-ġid u l-impjiegi. U għalhekk, kif ġara mad-dinja kollha, l-effett tal-pandemija inħass sew.

Ma kienx hemm effett aktar drastiku grazzi anke għall-għajnuna tal-Gvern li ntervjena b’diversi miżuri u sostenn biex inaqqas l-impatt negattiv, anki f’dan is-settur.

Ilni minn Marzu li għadda nwassal it-tħassib tal-ħaddiema u n-negozji f’dan is-settur, insostni f’fora Ewropej, ovvja wkoll fil-Parlament Ewropew, biex dan is-settur jingħata l-għajnuna kollha possibbli fiċ-ċirkostanzi. Ilħaqna ċertu tragwardi, imma fadal ħafna ħidma xi ssir.

Bħala Membru Parlamentari Ewropew Maltija meta nitkellem fuq turiżmu, ma nistax ma nsemmix ukoll il-qagħda tal-gżejjer tagħna li ġġib magħha sfidi ta’ insularità, kif ukoll settur ieħor importanti, dak tal-Intrapriżi Żgħar u Medji. U se nkompli għaddejja sakemm nara li dawn is-setturi jerġgħu jqumu sew fuq saqajhom.

Għall-fini ta’ din l-intervista xtaqna niffokaw fuq it-turiżmu. Speċjalment bit-tħabbira li minn Ġunju dan is-settur se jerġa jiftaħ, b’mod kawt, biex bil-mod nerġgħu naslu għal livelli li konna mdorrijjin bihom. Ovvjament dejjem inżommu f’moħħna l-protokolli maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.

Wara dawn ix-xhur ta’ inċertezzi u inkwiet, naħseb nitkellem għal kulħadd meta ngħid li s-sajf li għandna quddiemna qed nistennewh daqs il-manna fid-deżert. U għalhekk it-tħabbira li l-pjan hu li f’Ġunju pajjiżna se jiftaħ għat-turiżmu, flimkien mar-rilaxx tal-miżuri li qed jitħabbru b’mod gradwali, żgur li ntlaqgħet tajjeb ħafna minn dawk kollha li huma konnessi kemm dirett u wkoll indirettament ma’ dan is-settur.

Nifhem it-tħassib ta’ persuni differenti. Nifhem li l-bilanċ mhux faċli jintlaħaq. Dak is-sid ta’ ristorant, bar jew negozju magħluq, għadda minn perjodi ta’ inċertezza fejn kien qed jistenna bil-ħerqa aktar viżibilità fuq meta se jkun jista’ jerġa’ jiftaħ u taħt liema kundizzjonijiet biex ikun jista’ anke jipprepara fil-ħin, min se jiżżewweġ u ġa ippospona t-tieġ tiegħu jkun anzjuż sal-aħħar dwar it-tieġ hux se jseħħ din id-darba u taħt liema regoli. Il-kelma ftuħ ukoll iġġib reazzjonijiet differenti. Hemm min jinkwieta li jiżdiedu l-każijiet, imma min jiddependi mit-turiżmu, u f’pajjiżna għandna ħaddiema u negozji u familji li jaqgħu taħt din il-kategorija, kollha jgħidulek li ma nistgħux nitilfu Sajf ieħor. Dan jgħiduh ukoll diversi politiċi u persuni fis-settur ekonomiku li jifhmu kemm dan hu settur li niddependu fuqu.

Fuq livell Ewropew għaddej l-istess dibattitu. B’mod kontinwu għaddejja b’ħidma, kemm fit-Task Force tal-Parlament Ewropew dwar it-Turiżmu u wkoll f’fora oħra, fosthom fil-Kumitat tat-Trasport u t-Turiżmu u wkoll fl-Intergrupp SEARICA li nifforma parti minnu, biex ikun hemm ħidma kollettiva ħalli ngħinu lil dan is-settur jerġa jirpilja – u aħna u nagħmlu dan inressqu lil dan is-settur għal wieħed sostenibbli.

Il-ħidma intensifikat ruħha hekk kif issa qed nagħmlu pressjoni għall-miżuri adegwati fuq livell Ewropew biex insalvaw l-istaġun turistiku tas-Sajf li ġej.

Intant, ftit ġranet ilu fi Brussell kellna diskussjoni organizzata mill-Kumitat tat-Trasport u t-Turiżmu bil-ħsieb li jiġi evalwat it-turiżmu fl-Ewropa hekk kif wasalna qrib l-istaġun tas-sajf. Ħadt l-okkażjoni biex infakkar lill-Kummissjoni Ewropea li hawn gżejjer li jiddependu mit-turiżmu, fosthom Malta. U bħal Malta, għandek ukoll Ċipru, il-Ġreċja u Spanja.

Irrid nirrepeti li filwaqt li kulħadd fehem li l-pandemija ħalliet implikazzjonijiet koroh, imma mhux kulħadd qed jagħraf li hawn pajjiżi u gżejjer li dawn l-implikazzjonijiet affetwaw is-sors ekonomiku primarju tagħhom b’effett ħafna akbar minn oħrajn.

Biss biss, skont l-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni tal-Ajru, Eurocontrol, kien hemm tnaqqis ta’ 63% fit-turiżmu fl-Ewropa f’Marzu li għadda meta imqabbel ma’ Marzu tal-2019. Dan mhux persentaġġ żgħir.

Fl-istess Kumitat, u anke permezz ta’ mistoqsija parlamentari lill-Kummissjoni Ewropea, sħaqt li mhux biżżejjed li jiftaħ is-settur imma rridu nassiguraw li jkun hemm konnettività u rotot adegwati u affordabbli. Dan hu aktar u aktar importanti għall-gżejjer bħal tagħna. Enfasizzajt li l-UE għandha toffri għajnuna strateġika għall-pajjiżi bħal Malta li jistgħu jiġu kunsidrati bħala hubs turistiċi. Intant, filwaqt li d-‘Digital Green Certificate’ se jgħin għas-Sajf li ġej u ’l quddiem, ma nistgħux nistrieħu biss fuqu. 

Kellek ukoll webinar ‘The EU and Insularities: A relationship to build?’ li matulu wkoll semmajt leħnek b’appoġġ għal dan is-settur u sejjaħt għall-‘patt ġdid’ bejn l-Unjoni Ewropea u l-gżejjer minħabba dik li tissejjaħ insularità. Tispjegalna ftit aktar dwar dan?

Qatt ma qbilt mal-politika ta’ ‘one size fits all’; aħna magħqudin fid-diversita’ tagħna. Huwa għalhekk li l-Unjoni Ewropea teħtieġ li tirrikonoxxi ferm aħjar l-isfidi u l-ispeċifikazzjonijiet tal-gżejjer. Dan il-webinar kien mument opportun ieħor fejn insemma leħni dwar dan is-suġġett. U erġajt sejjaħt għal “Patt ġdid” bejn l-Unjoni Ewropea u r-reġjuni periferali tagħha, inkluż il-gżejjer tagħha, li jsofru l-effetti tal-insularità, uħud, bħal Għawdex, saħansitra insularita’ doppja.

M’inix kuntenta dwar kif inhuma l-affarijiet bħalissa għaliex l-Unjoni mhix qed tqis b’mod adegwat is-sitwazzjoni partikolari tal-gżejjer li jbatu mill-insularità u definittivament hemm ħafna iktar xi jsir.

Bħala Membru Parlamentari li ġejja minn gżira, u terġa’ mill-gżira Għawdxija, din is-sitwazzjoni nesperjenzaha sew, u għalhekk se nkompli naħdem, flimkien ma’ Membri Parlamentari oħrajn li jifhmu sew is-sitwazzjoni, biex nara politika u leġislazzjoni Ewropea li hi favur il-gżejjer.

Hemm tliet pilastri ewlenin fil-viżjoni tiegħi għall-gżejjer tal-Unjoni Ewropea: in-Negozji Żgħar u Medji; ambjent aktar nadif u destinazzjonijiet sostenibbli; u konnettività diġitali u fiżika b’saħħitha.

Aspett kruċjali huwa dak tal-konnetività, għax huwa importanti li nagħtu każ dawk il-pajjiżi li jiddependu ħafna minn mezzi ta’ trasport partikolari – fil-każ tagħna t-trasport bil-baħar u bl-ajru. Bl-istess mod ma nistgħux ninsew l-importanza tal-konnetività diġitali sabiex tgħinna niġġieldu dawn l-ostakli, inkluż li niddiversifikaw l-ekonomija tagħna.

F’dan id-dibattitu ffukajt fuq Għawdex bħala eżempju. Naf sew kemm ir-residenti u n-negozji ta’ Għawdex jiddependu fuq konnessjoni bil-baħar lejn Malta u fuq konnessjoni diġitali mal-gżira ewlenija. Fil-fatt irrimarkajt ukoll kif il-gvern Malti, fil-fatt, riċentament investa fit-tieni ‘fibre optic cable’ lejn Għawdex biex itejjeb il-konnessjoni diġitali tal-gżira mal-bqija tad-dinja.

Hemm fondi u skemi mferrxa taħt programmi differenti li l-gżejjer jistgħu jisfruttaw, imma hemm bżonn aktar. Fosthom, li l-gżejjer li ġew affettwati ħażin minħabba l-insularità tagħhom ikollhom perjodu ta’ flessibilita’ tal-għajnuna tal-istat li jestendi lil hinn mill-perjodu ta’ irkupru tal-pandemija.

 Imma anki fuq livell lokali, kellek laqgħa importanti mal-membri tal-Kunsill tal-MHRA…

Grata għall-opportunita’ li niltaqa’ u nżomm kuntatt ma’ diversi għaqdiet, assoċjazzjonijiet u partijiet interessati f’dan is-settur lokalment. Matul il-laqgħa tkellimna dwar suġġetti ewlenin li kienu diskussi fuq livell Ewropew, fosthom il-ħtieġa għal koordinazzjoni sfieqa tal-miżuri tal-ivvjaġġar, speċjalment għall-istaġun turistiku tas-Sajf li ġej.

L-istrateġija għall-ftuħ mill-ġdid ta’ Malta għat-turiżmu kienet fattur ewlieni matul id-diskussjoni, u din hija ovvja minħabba li dan huwa kruċjali għall-irkupru tal-industrija. Qbilna li l-pandemija hija opportunità biex it-turiżmu jkun rikonoxxut b’mod adegwat fuq livell Ewropew u jieħu l-post li jixraqlu fuq l-aġenda Ewropea – xi ħaġa li ma kellux.

Tkellimt dwar il-ħidma tiegħi fuq livell Ewropew biex niżgura li dan iseħħ. Tkellimna wkoll dwar kif is-sitwazzjoni preżenti hija opportunità tad-deheb biex nibnu dan is-settur aħjar, b’mod aktar sostenibbli u reżiljenti.

Ħareġ ukoll kemm kienu importanti l-iskemi tal-Gvern għal dan is-settur u wkoll li hemm bżonn appoġġ kontinwu adegwat fuq livell Ewropew, inkluż fejn tidħol l-għajnuna finanzjarja għall-irkupru mill-pandemija. Din hija importanti ferm, kif ċertament hi importanti l-vaċċinazzjoni u l-immunita’ tal-pajjiżi Ewropej kontra l-virus li ċertament se jgħinu biex jagħtu spinta qawwija ta’ kunfidenza biex dak li jkun isiefer.

 Finalment xtaqtek tkellimna ftit dwar dik li tissejjaħ bħala ‘Future of Tourism Coalition’ u li inti firmatarja tagħha.

Filwaqt li l-attenzjoni hija l-irkupru tas-settur, ma nistgħux ninsew aspetti oħra importanti, inkluż is-sostenibbiltà. Il-Koalizzjoni qed issawwar viżjoni għas-settur turistiku, u diġà stabbilixxiet 13-il Prinċipju Gwida biex ikun żgurat li l-industrija tiżviluppa b’mod sostenibbli. Meta jitmexxa b’mod xieraq, it-turiżmu joħloq opportunitajiet fejn qabel ma kienx hemm, jindokra r-riżorsi naturali u jtejjeb il-livell tal-għajxien anke ta’ kommunitajiet żgħar li mhux soltu jgawdu mit-turiżmu.

Jekk inqiegħdu l-ħtiġijiet tal-komunità fiċ-ċentru tal-viżjoni tagħna, nistgħu nibnu t-turiżmu mill-ġdid bħala forza għall-ġid tas-soċjetajiet tagħna. Għalhekk għandna għażla. Jew immorru lura għas-sistema ta’ qabel li kienet tpoġġi piż qawwi fuq il-komunitajiet u l-ekosistemi tagħna u li tħares purament lejn in-numri, jew inkella nagħżlu mudell turistiku differenti li jġib lura l-bilanċ bejn il-viżitaturi, il-komunità u n-natura u jħares aktar lejn il-kwalità.

Il-Koalizzjoni għall-Futur tat-Turiżmu, li twaqqfet f’Ġunju tas-sena l-oħra u li ġġib flimkien diversi persuni u għaqdiet minn madwar id-dinja, hija sforz kollettiv biex titfassal direzzjoni aktar sostenibbli u innovattiva għas-settur turistiku. U dan huwa żmien opportun biex nagħmlu dan, biex ngħaddu mill-kliem għall-fatti u inġibu s-sostenibilità fit-turiżmu.

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn