L-Ugwaljanza Prijorità

Fid-dawl tal-ħidma kontinwa sabiex tkompli tingħata prijorità lill-ugwaljanza f’kull qasam, flimkien mal-kollegi tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, ħadt l-inizjattiva bħala r-Rapporteur Permanenti għall-Integrazzjoni tal-Ġeneru fi ħdan il-kumitat sabiex norganizza workshop li jidirizza l-importanza tan-nuqqas ta’ bilanċ eżistenti bejn is-sessi fl-oqsma diġitali, tar-riċerka u l-industrija.

Kien unur għalija li nindirizza din id-diskussjoni fejn ftaħt id-dibattitu billi sħaqt kif irridu niżguraw li l-ebda persuna, partikolarment li l-ebda mara, ma tibqa’ lura. Dan ifisser li għandu jkun hemm opportunitajiet indaqs f’oqsma tant kruċjali fid-dinja tal-lum.

 

Hu fatt kif għalkemm in-nisa jirrapreżentaw il-maġġoranza tal-popolazzjoni fl-Ewropa, terz biss tan-nisa huma fil-qasam tal-intrapriża. Aktar minn hekk, inkwetanti r-realtà kif għadna qed naraw u niddiskutu n-numru baxx ta’ nisa f’dawk li jsejħulhom is-suġġetti STEM. Dan ifisser li jekk ikollna nqabblu n-numru ta’ nisa ma’ dak tal-irġiel fl-oqsma tax-xjenza, tat-teknoloġija, tal-inġinerija u tal-matematika naraw kif il-gradwati nisa fl-Ewropa jammontaw biss għal 36%. Infatti, tnejn minn kull ħamsa biss huma xjentisti u inġiniera nisa. Irridu nkomplu nistinkaw u naħdmu sabiex ngħelbu l-isterjotipi li qed jostakolaw l-avvanz tan-nisa f’dawn is-setturi sabiex verament ikunu aktar inklussivi u jirriflettu id-diversità li teżisti fis-soċjetà tagħna.

 

Dan jorbot ferm tajjeb ma’ żewġ rapporti li rnexxieli ninnegozja b’suċċess f’isem is-Soċjalisti u d-Demokratiċi. Żewġ rapporti li l-qofol tagħhom hi l-importanza mogħtija lejn id-dimensjoni tal-ugwaljanza. L-aktar rapport riċenti, li ġie vvutat b’suċċess fil-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali li nagħmel parti minnu jiena, jiffoka primarjament fuq l-integrazzjoni tal-ġeneru fil-politika ta’ koeżjoni. Ta’ min wieħed isemmi li dan ir-rapport ma setax ġie aktar f’waqtu. Dan għaliex fl-isfond tar-realtajiet li ġabet magħha l-pandemija, fejn kompliet iżżid l-inugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel partikolarment fejn tidħol it-trobbija tal-ulied, hemm bżonn li tittieħed azzjoni immedjata sabiex jiġu indirizzati u megħluba dawk l-ostakoli li komplew jiżdiedu u dawk li reġgħu tfaċċaw fis-soċjetajiet tagħna.

 

Fid-dawl ta’ dan, uħud mill-punti li ġew inklużi f’dan ir-rapport jitrattaw l-importanza sabiex ikun hemm rabta bejn l-għoti tal-fondi ta’ koeżjoni u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fuq in-nisa u l-komunità LGBTIQ, kif ukoll sabiex jiġi żgurat li jittieħdu passi serji biex jiżdied sehem il-mara fil-qasam tan-negozju u fl-użu tat-teknoloġija u karrieri fl-istess settur. L-ugwaljanza u l-integrazzjoni tal-ġeneru (gender mainstreaming) iridu jibqgħu jingħataw l-importanza meħtieġa f’kull qasam, kemm fil-politika soċjali kif ukoll dik ekonomika.

 

Rapport ieħor rilevanti li nnegozjajt matul is-sena li għaddiet kien dwar l-istrateġija Ewropea għan-negozji żgħar u medji (SMEs) fejn ukoll insistejt li tiġi inkluża dimensjoni qawwija għal aktar inklużjoni bejn is-sessi. Fl-istess waqt assigurajt ukoll li l-istrateġija tippromwovi azzjonijiet li permezz tagħhom jgħinu lill-intraprenditorija femminili tilħaq il-potenzjal tagħha, u dan partikolarment fid-dawl li n-nisa għadhom jammontaw għal numru baxx ħafna f’dan il-qasam.

 

Filwaqt li fadal ħafna xi jsir, ta’ min jinnota eżempji ta’ nisa ta’ suċċess fin-negozju anke f’pajjiżna u hawnhekk inġib quddiem għajnejja numru ta’ nisa Għawdxin li kelli l-opportunità niltaqa’ magħhom aktar kmieni din is-sena. Nisa li irnexxielhom jidħlu fid-dinja tal-intrapriża u qed ikunu ta’ suċċess u ta’ ispirazzjoni għal ħaddieħor. Meta nara d-determinazzjoni u l-użu tal-kreattività tagħhom sabiex jimxu ’l quddiem f’dan is-settur, nimtela b’kuraġġ li qed nimxu fit-triq it-tajba hekk kif qed ikollna aktar nisa li jservu kemm t’ispirazzjoni kif ukoll ta’ mudell pożittiv għal nisa oħra li jixtiequ jidħlu f’dan il-qasam. Filwaqt li l-impenn sħiħ lejn dan is-settur sabiex in-nisa jingħataw opportunitajiet indaqs qed iħalli l-frott tiegħu, kemm fuq livell lokali u kif ukoll Ewropew, għad ma wasalniex fejn nixtiequ. Għad fadlilna x’naqdfu sabiex fis-snin li ġejjin ikollna ugwaljanza vera f’dawn is-setturi.

 

Għalhekk ma nistax ma nsemmix l-importanza tal-edukazzjoni f’dan kollu. L-edukazzjoni hi l-qofol ta’ kollox. Irridu nesponu lit-tfal għad-diversità ta’ opportunitajiet li jeżistu fid-dinja tax-xogħol minn eta` żgħira, irrelevanti mill-ġeneru tal-persuna. Żgur mhux forsi, li tinkoraġixxi lill-istudenti permezz ta’ role models hu mod effettiv fejn it-tfal mhux biss jifmhu aktar x’joffri s-settur iżda jkunu ispirati u b’hekk jemmnu li huma wkoll jistgħu jaslu fejn jixtiequ.

 

Ma nistgħux naħsbu li wasalna sempliċiment għax naraw mara jew tnejn f’settur tradizzjonalment iddominat mill-irġiel. Irridu nżommu f’moħħna li inqas diversità f’settur tfisser inqas diversità fl-ideat u allura ftit li xejn ser ikun hemm rappreżentanza vera tal-esperjenzi varji li jeżistu fis-soċjetajiet tagħna.

 

Hu għalhekk importanti li, kemm fuq livell lokali iżda ukoll fuq livell Ewropew, inkomplu nħarsu ’l quddiem u naħdmu id f’id biex noħolqu miri reali u niksbu riżultati tanġibbli. Personalment, ninsab impenjata bis-sħiħ li bħal ma ħdimt f’dawn l-aħħar snin, inkompli naħdem bla heda biex niżguraw li d-dimensjoni tal-ġeneru tkun inkluża f’kull qasam biex b’hekk niżguraw li ħadd ma jaqa’ lura.

 

Tistgħu taċċessaw il-minuti tal-Workshop imsemmi f’dan l-artiklu fil-link t’hawn taħt:

 https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/IDAN/2021/662933/IPOL_IDA(2021)662933_EN.pdf

 

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn