Prinċipji sodi

Xtaqt illum nikteb dwar żewġ avvenimenti importanti ferm għalina bħala poplu Malti u Għawdxi. Żewġ episodji li t-tnejn li huma jiffurmaw ħolqa importanti fil-mixja ta’ prinċipji sodi li dejjem ħaddan il-Partit Laburista. Il-ħidma lejn l-ugwaljanza u d-drittijiet ċivili.

Meta nitkellmu dwar dan, irridu bilfors insemmu avveniment li jmur lura 100 sena. Propju ftit ġranet ilu fakkarna l-mitt sena mill-mewt ta’ Manwel Dimech: Soċjalista, Filosfu, Ġurnalista, Kittieb, Poeta u wkoll Riformista fil-qasam soċjali, b’ideali politiċi u tagħlim li ħallew marka fuq l-istorja tagħna lkoll – ġgant fl-istorja Maltija. Ħadem għall-iżvilupp soċjali, ekonomiku u politiku tal-Maltin fi żmien meta l-madmad tal-barrani kien ixekkel lill-poplu u jħallih fl-injoranza.

Manwel Dimech huwa Malti li emmen f’pajjiżu u n-nies tiegħu bi prinċipji sodi soċjalisti. Nislet dan il-kliem minn ‘Il-Bandiera tal-Maltin’ tal-1902, mill-ħafna kitbiet ta’ Dimech: L-omm Maltija donnha mhix fid-dinja ħlief biex issajjar, tiekol hi u titma’ lil ulieda, u tagħmel hi u dderri lil ulieda jagħmlu x-xogħol tad-dar. U wkoll mill-istess pubblikazzjoni imma tal-1911: Il-Mara trid tgħix daqs ir-raġel, u l-ħlas ikun ta’ kulħadd xorta waħda.

Xhieda kemm ilha għaddejja t-taqbida favur l-ugwaljanza, l-edukazzjoni tal-mara u l-irwol attiv tal-mara fis-soċjetà.

Inħossni kburija li jiena parti minn dan il-Partit li dejjem mexxa ’l quddiem politika li tħares lejn l-ugwaljanza. Kif rajna wkoll fil-ġimgħa li għaddiet bil-pass politiku storiku li kellna fil-Parlament. Bl-inizjattiva u r-rieda kontinwa tal-Partit Laburista fil-Gvern għaddiet liġi mill-Parlament li se twassal għal rappreżentanza iktar ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. Kif qalet Ramona Attard, President tal-Partit Laburista, irridu nkomplu nħarsu ‘l quddiem lejn il-bidliet għax ir-responsabiltà fuqna hija ħafna, għaliex f’dan il-pajjiż dejjem kien il-Partit Laburista li rriforma u wettaq il-bidliet.

Bidliet li huma parti intrinsika f’xogħli bħala Membru Parlamentari Ewropew f’isem il-Partit Laburista. Għaliex din il-ħidma? Għax hu mbassar li l-Ewropa jonqosha 60 sena biex tilħaq ugwaljanza ta’ veru bejn il-ġeneri. U għalhekk neħtieġu passi determinanti biex ikollna soċjetà ugwali li tħalli lil kulħadd jikber. Soċjetà b’saħħitha hija soċjetà li tagħti l-opportunità lil kulħadd.

Din l-istqarrija hija minsusa fuq il-fatti li qed ngħixu: Mhux in-nisa kollha huma ekonomikament indipendenti; in-nisa imħallsin inqas mill-irġiel; hemm ħafna inqas nisa f’karigi għoljin li jiddeċiedu; ħafna aktar vittmi ta’ vjolenza domestika.

Fil-Parlament Ewropew komplejt, u se nkompli, nagħmel ħilti favur ugwaljanza sħiħa. Bħala membru tal-Gender Mainstreaming Network f’isem il-Kumitat tal-Industrija jiena responsabbli li nassigura li l-proċessi parlamentari jħarsu l-ugwaljanza u l-integrazzjoni tal-ġeneru. Aħbar sabiħa oħra din il-ġimgħa kienet propju li dossjer li nnegozzjajt f’isem is-Soċjalisti u Demokratiċi dwar id-dimensjoni tal-ġeneru fil-politika ta’ koeżjoni, ġie approvat b’suċċess mill-Kumitat għall-Politika Reġjonali u fih irnexxieli ndaħħal elementi importanti favur l-ugwaljanza li partiti politiċi oħra opponew bil-qawwa.

Imma xtaqt nerġa’ lura għal-liġi storika li għada kemm għaddiet mill-Parlament Malti. L-importanza ta’ iktar nisa fl-ogħla livell ta’ deċiżjonijiet, mhix biss biex ikollna uċuħ ġodda fil-Kamra tar-Rappreżentanti. Dak ukoll huwa importanti, għaliex nies ġodda jġibu ideat friski; imma iktar importanti minn hekk, għandna bżonn aktar nisa fil-Parlament biex insaħħu d-demokrazija tagħna. U kien għalhekk li fl-2018, kont aċċettajt bil-qalb li nkun parti mill-kumitat tekniku li kellu l-mandat xejn faċli li jippubblika dokument għall-konsultazzjoni  pubblika u li jipproponi soluzzjonijiet għad-defiċit demokratiku fil-Parlament, li issa se jiġi indirizzat. Dan ifisser li wara l-elezzjoni li jmiss, se jkollna Parlament li verament jirrappreżenta s-soċjetà tagħna.

Dan il-pass importanti niċċelebrawh kif xieraq imma ma rridux ninsew li baqa’ ħafna xi jsir. Il-ħidma tiegħi fil-Parlament Ewropew irrid li twassal biex naslu għal tibdil leġiżlattiv u miżuri li jassiguraw qsim aħjar bejn il-ħin tax-xogħol u tal-familja biex il-koppji jkunu liberi jagħżlu għalihom u ma jibqgħux sfurzati mit-tradizzjoni.

Irrid li jkun hemm trasparenza sħiħa minn min iħaddem fil-klassijiet tas-salarji biex nassiguraw li kull mara u raġel li jagħmlu l-istess xogħol jitħallsu ndaqs. Din hija l-aqwa arma biex niġġieldu d-diskriminazzjoni fid-dħul.

Se nkomplu nagħmlu pressjoni biex jintlaħaq qbil fuq Direttiva li tintroduċi numru minimu ta’ nisa fil-bordijiet ta’ entitajiet fis-settur pubbliku u fis-settur privat. L-istudji juruna li aktar nisa f’karigi li jiddeċiedu jiftħu l-bieb għal aktar nisa.

U irridu naslu biex ikun hemm għarfien aħjar tal-forom kollha t’abbuż u vjolenza u tisħiħ adegwat tas-servizzi t’appoġġ kollha li jeżistu.

Fuq nota differenti, imma ħolqa ma’ dan ukoll, din il-ġimgħa n-Nazzjonijiet Magħquda fakkret dik li tissejjaħ ‘Girls in ICT Day’. Jum li jħares lejn it-tfajliet u nisa fid-dinja tal-Informazzjoni tat-Teknoloġija u l-bżonn li madwar id-dinja jkun hemm aktar nisa u tfajliet f’dan is-settur tat-teknoloġija.

Hawnhekk ukoll irid ikun hemm ħidma biex aktar tfajliet jidħlu f’dan is-settur. Rajna waqt il-pandemija kemm it-teknoloġija kienet importanti ferm biex ir-rota tibqa’ ddur. Bl-edukazzjoni u l-għarfien jeħtieġ inkissru l-isterjotipi.

Il-ħidma tiegħi biex nara ugwaljanza reali, se tibqa’ għaddejja biex nara aktar passi ’l quddiem, bħal dak li ġġieled għaliha Manwel Dimech u bħall-passi li għamel – u għadu qed jagħmel – il-Partit Laburista.

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn