Spinta lejn bilanċ fil-ġeneru għall-Parlament Malti

Il-kisba ta’ rappreżentanza aktar bilanċjata tal-ġeneru fil-Parlament Malti ħadet spinta sew ’il quddiem hekk kif din il-ġimgħa l-Abbozz 119 għadda b’vot mill-aktar b’saħħtu fil-Kamra tar-Rappreżentanti. B’hekk, il-liġi tista’ issa tidħol fis-seħħ fil-ħin sabiex il-mekkaniżmu korrettiv għall-bilanċ fil-ġeneru jkun disponibbli sa mill-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Bħala persuna li ikkontribwixxejt b’mod dirett lejn din ir riforma bħala Membru fuq il-Kumitat Tekniku għat-Tisħiħ tad-Demokrazija, dan il-vot narah bħala wieħed storiku daqskemm mill-aktar meħtieġ għar-rappreżentanza ġusta f’pajjiżna u s-soċjetà tagħna.

Nafu li tul l-aħħar 73 sena, pajjiżna irnexxilu jeleġġi biss 27 mara fil-Parlament — l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. Nafu ukoll li bħalissa, persuna waħda biss minn kważi kull sebgħa Membri Parlamentari tagħna hija mara.

Il-mekkaniżmu korrettiv kif propost jitħaddem jekk kemm-il darba ma jkunx hemm tal-anqas 40% tal-Membri Parlamentari eletti f’elezzjoni ġenerali li huma parti mis-sess inqas rappreżentat. F’dan il-każ, jiżdiedu mhux aktar minn 12-il siġġu li għandhom jimtlew mill-membri tal-ġeneru inqas rappreżentat. U dan b’mod ugwali għaż-żewġ naħat tal-Kamra.

Bħalissa, l-ġeneru l-inqas rappreżentat huma n-nisa, iżda għada pitgħada jistgħu ukoll ikunu l-irġiel. F’dan il-każ, il-mekkaniżmu korrettiv japplika għalihom ukoll bl-istess mod.

Importanti ngħidu li dan il-mekkaniżmu mhux qed joħloq kwoti. Anzi, hu mod kif tassew tkun rispettata l-għażla tal-elettorat u tissaħħaħ ir-rappreżentanza demokratika billi aktar nisa jitħeġġu biex jikkandidaw irwieħhom. La se jitlef postu ebda individwu elett b’mod demokratiku fil-Parlament, u lanqas ma se jkunu ippremjati dawk li ma jipperswadux lill-elettorat tagħna.

Is-sistema korrettiva se tkun qed iżżid in-numru ta’ siġġijiet proprju biex jintlaħaq bilanċ ġust mingħajr il-ħtieġa li tiġi imposta l-ebda kwota. Fil-fatt, jiġu eletti dawk il-kandidati mis-sess inqas rappreżentat li ġabu l-ogħla numru ta’ voti fid-distretti rispettivi tagħhom.

Fir-rwol tiegħi bħala Membru Parlamentari Ewropew, nemmen bis-sħiħ f’din ir-riforma għax qed tfittex li timplimenta b’mod għaqli l-għanijiet Ewropej għall-bilanċ fil-ġeneru, inklużi l-inizjattivi u miri kurrenti tal-Kummissjoni Ewropea biex tintlaħaq Ewropa li fiha s-sehem tan-nisa f’pożizzjonijiet eżekuttivi, ta’ tmexxija u teħid ta’ deċiżjonijiet jissaħħaħ b’mod konkret.

Finalment, filwaqt li dan il-mekkaniżmu qed jiġi introdott għax hu meħtieġ b’mod mill-aktar ċar, però fih ukoll terminu ta’ skadenza — l’hekk imsejħa sunset clause — li biha jkun validu għal għoxrin sena minn meta jidħol fis-seħħ. Naturalment, l-għan tagħna hu li tul dawn is-snin, Parlament bilanċjat fil-ġeneru jsir xi ħaġa normali u b’hekk dan il-mekkaniżmu jkun wettaq xogħlu u ma jibqax iżjed ħtieġa għalih.

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn