Emendi importanti għall-gżejjer tagħna mbuttati ’l quddiem mill-MPE Cutajar, adottati mill-Parlament Ewropew

Emendi mressqa mill-MPE Josianne Cutajar fil-Kumitat tat-Trasport relatati mar-Regolament dwar il-Fjuwils Sostenibbli fil-qasam marittimu, ġew adottati b’suċċess fil-plenarja tal-Parlament Ewropew.

Fost dawn l-emendi, wieħed isib l-inklużjoni ta’ eżenzjonijiet għal vjaġġi mwettqa minn vapuri tal-passiġġieri bejn port tal-waqfa taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru u port tal-waqfa taħt il-ġuriżdizzjoni tal-istess Stat Membru li jinsab fuq gżira b’inqas minn 100 000 resident permanenti. “Din id-dispożizzjoni hija essenzjali peress li tqis is-sitwazzjoni speċifika tar-reġjuni insulari, kif enfasizzat mill-Artikolu 174 tat-Trattat, u l-ħtieġa li tiġi ppreservata l-konnettività għal gżejjer żgħar bħal Għawdex.”

Emenda oħra tikkonċerna l-obbligu fuq il-Kummissjoni Ewropea li timmonitorja l-impatt tar-Regolament fuq id-devjazzjoni tal-merkanzija mill-gżejjer lejn portijiet ġirien ta’ pajjiżi terzi.

F’kummenti relatati, Josianne Cutajar saħqet li din il-ħidma hi essenzjali biex jiġi żgurat li niksbu l-ambizzjoni ambjentali meħtieġa, filwaqt li fl-istess ħin nieħdu ħsieb il-kompetittività, it-tkabbir ekonomiku sostenibbli u r-realtajiet ta’ gżejjer bħal tagħna sabiex ma jkunux huma li jsofru impatt sproporzjonat.

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn