Futur Sostenibbli għan-Negozji tagħna

Ftit tal-ġimgħat ilu kelli ċ-ċans ningħaqad mal-Malta Business Bureau (MBB)  fl-okkażjoni tal-25 sena anniversarju mit-twaqqif tagħhom. Fid-diskors tiegħi waqt l-attività organizzata mill-MBB, stqarrejt li huwa importanti ħafna li jkollna punti ta’ referenza bħalma huma l-istess MBB, għaliex jagħmlu xogħol il-Membri Parlamentari Ewropej u politiċi oħrajn aktar faċli permezz ta’ proposti li jressqu mill-esperjenza prattika tagħhom fis-settur. Biss mhux xogħolna biss jagħmlu aktar faċli; jagħmluha aktar faċli wkoll għan-negozji li huma jirrappreżentaw, u dan għaliex iservu ta’ focal point, kemm fejn jidħlu konsultazzjonijiet li jridu jsiru, imma wkoll fejn jidħlu affarijiet oħra li jikkonċernaw in-negozji.

Waqt l-attività msemmija tkellimt ukoll fuq kif l-Unjoni Ewropea għandha diversi sfidi quddiema: sfidi li hemm bżonn tindirizza llum qabel għada. Bħala Membru tal-plenarja tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, ħadt gost ukoll nisma’ mingħand l-MBB rigward id-dikjarazzjoni li ppreżentaw huma stess rigward il-futur tal-Ewropa. Wara l-attività msemmija kelli ċ-ċans li naqra din id-dikjarazzjoni fid-dettall. Irrid ngħid, li minnha laqtuni diversi punti.

Fid-dikjarazzjoni tagħhom semmew per eżempju l-importanza tas-suq ħieles, u kif dan hemm bżonn jiġi msaħħaħ. Semmew ukoll il-fatt li huwa importanti ħafna li l-Unjoni tkompli tkun fost il-mexxejja globali fejn tidħol is-sostenibbiltà u l-ambjent, imma li rridu noqgħodu attenti mis-soluzzjonijiet ta’ “one-size-fits-all”. Ċertament naqbel ma’ dan il-punt li dejjem nisħaq dwaru f’ħidmieti. Fejn tidħol is-sostenibbiltà, iva, irridu nkomplu naħdmu. Imma lanqas nistgħu nispiċċaw f’sitwazzjoni fejn il-prezz tal-qalba ambjentali jispiċċaw iġorruh dawk l-aktar vulnerabbli. Fl-aħħar mill-aħħar, is-sostenibbiltà l-għan tagħha huwa li kulħadd jimxi ’l quddiem fuq bażi long-term.

Ħadt gost naqra wkoll fid-dikjarazzjoni tal-MBB is-sejħa għal aktar investiment fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni. Naqbel mija fil-mija li dan hemm bżonnu, anke meta nħarsu lejn pajjiżna. Fejn tidħol ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-iżvilupp, bħala pajjiż hemm ħafna aktar fejn nimirħu u hemm fejn anke naraw żieda fil-miri u fl-infieq. Hemm ukoll aktar potenzjal għal pajjiżna f’dan il-qasam.

Tkellimt ma’ diversi msieħba li jemmnu li Malta u Għawdex jistgħu iservu bħala gżejjer fejn tiġi ppruvata teknoloġija ġdida, anke teknoloġija ħadra, f’oqsma bħalma huma t-trasport u setturi oħrajn. Dawk il-proġetti li jaħdmu imbagħad ikunu jistgħu jiġi applikati fi bliet u pajjiżi ferm akbar. Ftit tax-xhur ilu wkoll kont ktibt artiklu fejn sħaqt li b’investiment u naqra imbuttatura, Malta kapaċi tkun l-Atlantis tas-seklu 21. Forsi tgħiduli biex ħierġa hawnhekk. Nemmen però li l-ġeografija ta’ Malta u Għawdex, kif ukoll karatteristiċi oħrajn, jgħinuna ferm f’dan ir-rigward. Filwaqt li d-daqs tagħna huwa ta’ belt żgħira, aħna wkoll pajjiż. Dan għaldaqstant jagħmilna aktar attraenti f’għajnejn investituri li jkunu jridu jippruvaw servizzi u proġetti ġodda kemm fi bliet ġodda imma wkoll f’pajjiżi Ewropej. Għalkemm il-fatt li ninsabu fil-fruntiera tal-Ewropa ħafna drabi tfisser sfidi fil-qasam tal-immigrazzjoni, dan potenzjalment jaf ifisser opportunita’ fejn jidħol l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp u kollaborazzjoni lil hinn mill-Ewropa fir-rigward. Dan anke fil-kuntest li fl-2020 ġiet imnedija l-istrateġija ta’ Malta għall-Afrika.

Biex l-investiment jibqa’ jiġi f’pajjiżna u fl-Ewropa però hemm ukoll bżonn li jiġu ssimplifikati diversi regoli Ewropej. L-MBB aċċennaw għal dan il-punt fil-rigward ta’ ħaddiema li ġejjin minn barra l-Unjoni Ewropea. Is-simplifikazzjoni hi importanti mhux biss fejn jidħlu l-ħaddiema, imma wkoll fejn jidħlu n-negozji. Fl-aħħar mill-aħħar, jekk lill-investituri u lill-ħaddiema ser nagħmluhielhom diffiċli li jiġu fl-Ewropa u f’pajjiżna, dawn ser jispiċċaw imorru f’kontinenti oħrajn. U kif nafu f’ċerta setturi u fejn jidħlu ċerta ħiliet, għandna bżonn ħaddiema barranin.

Nikkonkludi billi nfakkar li n-negozji tagħna, speċjalment dawk żgħar u medji, huma s-sinsla tal-ekonomija tagħna. Irridu nkomplu naħdmu għal futur sostenibbli fejn kemm huma, u kif ukoll il-ħaddiema tagħhom, ikunu jistgħu ikomplu jikbru. L-SME Week Ewropea, li issa tinsab magħna, toffri opportunita’ tajba biex naqsmu ideat u prattiċi tajbin fir-rigward. Biss però importanti li din il-ħidma titkompla matul is-sena kollha. Min-naħa tiegħi, inħares ’il quddiem biex nibqa’ naħdem favur in-negozji u l-industrija tagħna, li minnhom jiddependu tant u tant ħaddiema u familji.

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn