Għaddiet sena oħra ta’ ħidma

Meta nħares lura lejn sena oħra ta’ ħidma bħala Membru Parlamentari Ewropew, inħoss sodisfazzjon li komplejt nagħti s-sehem sħiħ tiegħi biex nimxu ‘l quddiem f’diversi setturi – hawnhekk ma narax biss il-poplu Ewropew, imma wkoll ovvjament, il-poplu Malti u Għawdxi kollu. Dak li jiġi deċiż fil-Parlament Ewropew jafettwa wkoll lill-pajjiżna.

Din is-sena li għadha kif intemmet, ma kinitx eċċezzjoni. Huwa impossibbli li f’artiklu wieħed nelenka dak kollu li sar fil-Parlament Ewropew, imma l-ħidma li saret kienet waħda mifruxa fuq diversi setturi.

Il-ħidma tiegħi tifrex f’qasam li nħoss li huwa importanti ferm u wkoll hemm bżonn ta’ aktar kuxjenza u ħidma dwaru – is-sehem tal-mara fis-soċjetà, l-irwol tagħha, u l-ugwaljanza tal-ġeneru. F’dawn l-aħħar snin kien hemm passi tajbin ‘l quddiem fejn tiħdol ugwaljanza tal-ġeneru u tista’ tgħid li dan l-argument qiegħed jingħata prijorità. Imma minkejja dan, għad hemm ħafna x’naqdfu u xogħol x’isir u għalhekk se nkompli nagħtih prijorità. Ħidma li komplejt ukoll hija dik fejn tidħol il-protezzjoni tat-tfal tagħna minn kull abbuż u d-drittijiet taċ-ċkekjnin tagħna. Ebda investiment, deċiżjoni jew strateġija ma tiswa jekk qabel xejn ma nkunux assigurajna li fis-soċjetà tagħna t-tfal huma mħarsa.

Fl-aħħar sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew għal din is-sena ttieħed b’suċċess il-vot dwar ir-rapport li kont ilni naħdem fuqu sa minn kmieni din is-sena, dak dwar l-Istrateġija Ewropea għan-Negozji Żgħar u Medji. L-istrateġija għan-Negozji Żgħar u Medji hija mill-aktar kruċjali għall-eluf ta’ negozji madwar l-Ewropa, inkluż mijiet ta’ intrapriżi f’Malta u f’Għawdex. F’dan ir-rapport kelli rwol ewlieni biex jidħlu diversi emendi bżonjużi u kruċjali għall-irkupru tas-settur tal-intrapriżi żgħar u medji fix-xhur li ġejjin.

F’Ottubru li għadda vvotajt favur il-bdiewa Maltin u Għawdxin. Ma stajtx nivvota il-Pjan Strateġiku tal-Politika Agrarja Komuni kif imressaq ‘l quddiem fil-Parlament Ewropew għax dan ma ħasibx fil-bżonnijiet speċifiċi li għandhom l-bdiewa u r-raħħala fi gżejjer bħal tagħna. Bħalma nsostni fuq suġġetti oħra, li jgħodd għall-bdiewa u r-raħħala f’pajjiżi kbar, mhux neċessarjament huwa fl-interess tal-operaturi fis-settur agrikolu ta’ gżira ċkejkna.

Huwa magħruf li bil-COVID-19 is-settur tal-ivjaġġar u t-turiżmu ntlaqat sew. It-turiżmu huwa pilastru ewlieni fil-kuntest soċjoekonomiku u jikkontribwixxi b’mod sostanzjali fil-ħolqien tal-ġid u l-impjiegi. Għalhekk il-ħidma tiegħi matul is-sena li għaddiet u li se nkompli għaddejja biha, kemm fit-Task Force dwar it-Turiżmu u wkoll f’fora oħra, fosthom il-Kumitat tat-Trasport u Turiżmu fil-Parlament Ewropew u l-Grupp SEARICA, biex ikun hemm ħidma kollettiva ħalli ngħinu lil dan is-settur jerġa jirpilja – u wkoll inressqu lil dan is-settur għal wieħed sostenibbli.

Inkun fuq quddiem biex niddiskuti u nħares lil pajjiżna f’politiki li jaffettwaw lill-gżejjer. Il-gżejjer reġjuni fl-Ewropa jgħaqqdu bejniethom 15-il miljun persuna. Gżejjer li kollha għandhom l-identità tagħhom, jaffaċċjaw kważi l-istess diffikultajiet, fosthom restrizzjonijiet naturali, daqs limitat tas-suq, aċċessibilità u konnettività mnaqqsa, spejjeż ogħla għaċ-ċittadini u n-negozji u vulnerabbiltà ambjentali għolja. Dan huwa suġġett ukoll għal qalbi ħafna, ovvjament fl-isfond li jien Għawdxija – gżira li minnha għandha l-isfidi partikolari u doppji tagħha. Naħdem f’din l-isfera bħala membru tal-kumitat REGI li fih nittrattaw il-politika reġjonali u wkoll bħala membru tal-Intergrupp SEARICA fi hdan il-Parlament Ewropew.

Rapport ieħor li ħdimt fuqu f’isem il-grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi fil-Kumitat tat-Trasport, u li l-Parlament Ewropew ivvota favuru, huwa dak dwar reġim ta’ responsabbiltà ċivili b’rabta ma’ prodotti li jinkludu l-intelliġenza artifiċjali. Dan iwitti t-triq għall-Kummissjoni Ewropea biex tistabilixxi reġim li skontu tintrefa’ r-responsabbiltà ċivili fejn tidħol l-intelliġenza artifiċjali, bħal meta jkun hemm danni kkawżati minn vetturi awtomatizzati. Liġi bħal din tkompli tagħti ċertezza legali u ssaħħaħ il-fiduċja tal-pubbliku fi prodotti li jaħdmu bl-AI biex b’hekk jikber is-suq Ewropew għal dawn il-prodotti.

Din is-sena kienet immarkata wkoll b’għadd ta’ ħatriet fi ħdan il-Parlament Ewropew. L-aħħar ħatra hija dik ta’ Chairperson tal-Grupp ta’ Ħidma fi ħdan il-pjattaforma Ewropea SME Connect dwar it-Turiżmu, l-Ivjaġġar u l-Mobilità, li permezz tiegħu se naħdem fl-interessi ta’ negozji żgħar u medji li fuqhom hi bbażata wkoll l-ekonomija ta’ pajjiżna.

F’isem is-Soċjalisti u d-Demoktratiċi din is-sena nħtart ukoll bħala l-Viċi President tad-Delegazzjoni Ewropea għar-Relazzjonijiet mal-Kontinent Awstraljan u dak ta’ New Zealand (DANZ). Il-kriżijiet li għandna quddiemna lkoll jfakkruna li l-aħjar soluzzjonijiet jinstabu meta l-pajjiżi min-naħat differenti tad-dinja jingħaqdu u jsibu s-soluzzjonijiet flimkien.

Kif għamilt sa’ minn meta ġejt eletta, l-ħidma tiegħi se tkompli għaddejja għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi kollu kemm hu. Minn qalbi nawguralkom is-sena t-tajba!

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn