“Id-diġitalizzazzjoni, l-isfidi ambjentali u l-kriżijiet riċenti huma tfakkira urġenti sabiex l-industrija tat-turiżmu tkompli tibni r-reżiljenza tagħha” — Il-MPE Josianne Cutajar f’konferenza organizzata flimkien mal-organizzazzjoni Ewropea tal-ospitalità HOTREC

Il-MPE Josianne Cutajar ospitat avveniment ma’ HOTREC, li ġġib flimkien assoċjazzjonijiet kummerċjali li jirrappreżentaw il-lukandi, ir-ristoranti, il-kafetteriji u stabbilimenti simili fl-Ewropa, inkluż l-assoċjazzjoni Maltija l-MHRA.


Fir-rimarki tagħha, Dr Cutajar osservat li parti essenzjali mill-esperjenza turistika hi impattata mis-settur tal-ospitalità — esperjenza li tħalli impressjoni dejjiema fuq turist li jkun qed iżur pajjiż. Dan apparti l-fatt li din l-industrija tammonta għal miljuni ta’ impjiegi fl-UE.


Josianne Cutajar qalet li l-pandemija, il-kriżi tal-enerġija u tal-inflazzjoni, kif ukoll it-tranżizzjoni diġitali u ambjentali, huma lkoll tfakkira urġenti li dan is-settur irid ikompli jibni r-reżiljenza tiegħu. Cutajar osservat li l-ħolqien tal-ħiliet meħtieġa, kif ukoll linja baġitarja speċifika dwar it-turiżmu sostenibbli, huma indispensabbli f’dan ir-rigward.


Mil-lat diġitali, il-MPE qalet li t-turiżmu kien wieħed mill-ewwel setturi li iddiġitalizzaw fuq skala globali. “Issa rridu ngħinu lis-settur tal-ospitalità tagħna biex jagħmel l-aħjar użu mit-teknoloġiji emerġenti bħall-intelliġenza artifiċjali u l-metaverse”, temmet tgħid Dr Josianne Cutajar.

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn