Din il-ġimgħa, propju fil-25 ta’ Novembru, bdew is-sittax il-jum t’attiviżmu kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru. Forsi ssib min jgħidlek imma dan mhux suġġett antik, għalfejn qed tibqgħu titkellmu fuqu? Ir-risposta hi waħda ċara: ċertament li rridu nibqgħu nitkellmu fuq aktar kuxjenza u ħidma fuq il-vjolenza domestika, pjaga soċjali li ilha magħna s-snin u li sfortunatament għadha waħda ħajja fi żminijietna.
Niftakru li l-vjolenza domestika tista’ tilħaq lil kulħadd inkluż ġewwa d-dar, fis-skiet, fejn il-vittma jaf issibha diffiċli biex titlob għall-għajnuna. Ngħiduha kif inhi, hija diffiċli ħafna li tirrapporta lir-raġel tiegħek jew lill-partner, speċjalment meta jkun xi ħadd li qattajt nofs ħajtek miegħu jew magħha, aħseb u ara meta jkollok it-tfal mal-istess persuna. Il-verità madanakollu tibqa’ li l-vjolenza qatt u qatt m’hi aċċettabbli, u l-fatt li tkun tgħix mal-istess persuna u tkun drajtha m’huwa qatt skuża biex tuża l-vjolenza biex tieħu u tagħmel dak li trid.
Minn hawn nixtieq nappella lil dawk kollha li forsi jaf sabu ruħhom f’sitwazzjoni bħal din: tibżgħux tistaqsu għall-għajnuna. Is-servizzi hemm qegħdin; agħmlu kuraġġ u agħmlu użu minnhom. Sitwazzjoni ta’ vjolenza domestika tista’ tagħmel ħażin lit-tfal daqs kemm tagħmel ħażin lill-ġenituri, u għaldaqstant jekk titolbu l-għajnuna ser tkunu qed tagħmlu ġieħ ukoll lil uliedkom, apparti li tkunu qed tagħmlu ġieħ ukoll lilkom infuskom.
Malta għandna diversi ċentri, li joffru għajnuna lil kull min ifittixha f’dan ir-rigward. Insemmi per eżempju l-fatt li ftit tax-xhur ilu, kelli l-okkażjoni nsir naf aktar it-tbatijiet reali li jgħaddu minnhom il-persuni milquta meta flimkien mal-Ministru Michael Falzon, żort iċ-Ċentru Għabex, xelter t’emerġenza li jilqa’ lill-vittmi tal-vjolenza domestika u t-tfal tagħhom.
Nieħu gost nara wkoll li l-Kummissjoni Ewropea, grazzi anke għall-impenn tal-Kummissarju Helena Dalli, baqgħet għaddejja b’ħidma fis-settur tal-vjolenza domestika. Aktar kmieni dan ix-xahar kelli l-okkażżjoni li nattendi esebizzjoni li ġġib l-isem ta’ “What are you Wearing”, fil-bini tal-Kumissjoni Ewropea fi Brussell. Okkażjonijiet bħal dawn iservu biex ikomplu jżidu l-għarfien fuq is-suġġett, bil-messaġġ ikun li irrispettivament mill-persuna x’inhi liebsa, f’liema qagħda qiegħda jew mill-ġeneru tagħha, il-vjolenza – inkluż dik sesswali – mhi qatt aċċettabbli.
Din il-ġimgħa kellna wkoll dibattitu apposta mhux biss fil-plenarja tal-Parlament Ewropew, iżda wkoll fil-Grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi fejn sħaqt li filwaqt li rridu nkomplu naraw li jkollna l-liġijiet neċessarji – inkluż fuq livell Ewropew – irridu wkoll naħdmu fuq l-infurzar u servizzi ta’ sapport adegwati lil dawk milquta. Dan anke permezz ta’ kollaborazzjoni aktar b’saħħitha mal-għaqdiet mhux governattivi.
Sfidi miġjuba mill-pandemija
Ma nkun qed ngħid xejn ġdid jekk ngħid li tul il-pandemija, rajna d-dħul ta’ lockdowns bl-intenzjoni li jwaqqfu t-tixrid tal-mard. Biss però, dawn il-miżuri kellhom ukoll effett fuq każijiet ta’ vjolenza domestika, bi statistika turi li għalkemm l-edukazzjoni qed tkompli tiżdied, is-sena tal-pandemija rat aktar rapporti ta’ vjolenza domestika.[1]
Naturalment, jekk in-nies jaħdmu mid-dar, u jekk kollox isir mid-dar 24 siegħa kuljum, mela allura ċ-ċans li jkun hemm vjolenza domestika jispiċċa jiżdied. Din hija xi ħaġa li indubbjament trid tiġi indirizzata llum qabel għada, kemm permezz ta’ aktar kampanji li jkomplu jgħallmu, imma wkoll permezz ta’ faċilitajiet u servizzi li jagħmluha aktar faċli lin-nies biex jirrapportaw dawn il-każijiet.
Sfortunatament, meta tkun qed tgħix taħt l-istess saqaf 24 siegħa kuljum, ikun aktar diffiċli biex isir rapport bl-aggressur għassa tal-vittma. Ma nistax allura ma nenfasizzax l-importanza tal-aċċess għat-teknoloġija u l-internet, kif ukoll tal-ħiliet diġitali f’dan kollu. Illum il-ġurnata, it-teknoloġija għamlitha possibbli li permezz t’għafsa ta’ żewġ buttuni, wieħed kapaċi jibgħat messaġġ u jfittex l-għajnuna. Tkun ħasra għaldaqstant jekk it-teknoloġija ma tintużax anke f’każijiet bħal dawn, fejn verament tista’ tkun ta’ għajnuna.
Mard rari
Din il-ġimgħa fil-Parlament Ewropew tkellimna wkoll fuq kawża importanti oħra: dik tal-mard rari. L-istatistika turi li Malta għandna madwar 25,000 u 30,000 ruħ li jbatu minn mard ikkunsidrat rari, u dmirna hu li lil dawn il-persuni ngħinuhom bl-aħjar mod possibbli. Madwar l-Ewropa hemm il-miljuni. Fl-intervent tiegħi sħaqt dwar l-importanza ta’ aktar kollaborazzjoni fis-settur u l-importanza ta’ strateġija Ewropea fir-rigward. Irridu nsaħħu d-data iżda wkoll l-aċċessibilita’ għad-dijagnosi u l-mediċina; irridu ntejbu s-sistemi tas-saħħa tagħna ħalli nkunu nistgħu noffru aktar servizzi lil nies li jbatu b’mard rari.
Il-pajjiżi, inkluż dawk Ewropej ma jiġux iġġudikati, fuq kif iħarsu l-aktar nies b’saħħithom, daqs kemm jiġu ġġudikati b’kemm iħarsu dawk l-aktar vulnerabbli.
[1] https://www.independent.com.mt/articles/2021-01-23/local-news/1-416-reports-of-alleged-domestic-violence-cases-since-pandemic-started-6736230394