Il-Membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar inħatret bħala n-negozjatriċi tas-Soċjalisti fil-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu fir-rigward ta’ żewġ Regolamenti ewlenin li jittrattaw l-Informazzjoni Avvanzata dwar il-Passiġġieri (API). L-ewwel regolazzjoni għandha l-għan li ssaħħaħ il-miżuri preventivi u l-prosekuzzjoni kontra reati terroristiċi u reati gravi, filwaqt li t-tieni waħda għandha l-għan li ttejjeb u tissimplifika l-kontrolli fil-fruntieri esterni. Il-leġiżlazzjoni l-ġdida tenfasizza l-importanza tal-informazzjoni avvanzata tal-passiġġieri biex jiġu identifikati riskji tas-sigurta’, riskji t’attakki terroristiċi u migrazzjoni irregolari, fost l-oħrajn. Dan filwaqt li jiġu stabbiliti standards komuni għat-trasportaturi tal-ajru u jiġu żgurati vjaġġi sikuri u mingħajr problemi għal min jivvjaġġa.
Fi kliem Cutajar, “L-għan huwa li nkomplu bl-isforzi tagħna lejn il-ħolqien ta’ regoli ċari, armonizzati u aktar faċli biex jiġu applikati, b’mod li jħaffu l-fluss tal-vjaġġaturi permezz tal-awtomatizzazzjoni.” Hija enfasizzat ukoll l-importanza li tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni għad-diġitalizzazzjoni fis-settur u li jiġu offruti opportunitajiet adegwati ta’ ħiliet għall-ħaddiema tas-settur.
Fl-irwol tagħha, il-MPE Josianne Cutajar insistiet ukoll għal evalwazzjoni komprensiva mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-interazzjoni bejn il-liġijiet l-ġodda u dawk eżistenti. Dan l-approċċ għandu l-għan li jtaffi l-piżijiet bla bżonn fuq l-operaturi tal-ajru, jiffaċilita l-proċessi relatati u jiżgura sigurtà msaħħa.
B’rabta mal-impenn tagħha għall-aċċessibbiltà u l-inklużività, Dr Cutajar ipproponiet emendi biex jiġi żgurat li l-passiġġieri li jappartjenu għal gruppi vulnerabbli, l-individwi b’diżabilità, u dawk b’inqas profiċjenza diġitali dejjem ikollhom alternattiva offline għaċ-check-in u biex jipprovdu d-data meħtieġa.
“Fl-aħħar mill-aħħar, l-armonizzazzjoni tal-prattiċi relatati mal-qsim tad-data tal-passiġġieri kif propost f’dawn ir-Regolamenti, flimkien ma’ żieda fit-trasparenza, għandha l-għan li tħaffef il-fluss tal-passiġġieri bl-ajru, b’impatt pożittiv fuq is-settur turistiku, għall-benefiċċju kemm tal-vjaġġaturi, kif ukoll tad-destinazzjonijiet li jkunu ser iżuru,” ikkonkludiet Cutajar.