Matul il-laqgħa tal-Kumitat ITRE ta’ din il-ġimgħa fil-Parlament Ewropew, il-MPE Josianne Cutajar enfasizzat l-importanza tar-reviżjoni tal-liġijiet tal-farmaċewtika bħala pass importanti biex nibdew nindirizzaw in-nuqqas ta’ provvista fil-kontinent Ewropew, kif ukoll iż-żieda fil-prezzijiet tal-mediċini essenzjali, bl-impatt li dan qed iħalli fuq it-tfal, anzjani u persuni vulnerabbli oħra.
Filwaqt li semmiet l-impatt ta’ dan in-nuqqas fuq il-kwalità tat-trattament tal-pazjenti u s-sistemi tal-kura tas-saħħa, il-MPE Josianne Cutajar enfasizzat il-ħtieġa li dan il-Kumitat jimbotta għal soluzzjonijiet li jindirizzaw id-diffikultajiet imsemmija, anke permezz ta’ aktar investiment f’terapiji innovattivi u soluzzjonijiet teknoloġiċi.
“Nenfasizza l-importanza ta’ sforzi akbar fir-riċerka u l-innovazzjoni, b’mod partikolari għall-pazjenti li jsofru minn mard rari u l-avvanz tal-mediċini orfni,” qalet il-MPE. “Jeħtieġ li ninċentivaw lil dawk li jimmanifatturaw, lill-investituri u lill-iżviluppaturi biex jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-ekosistema Ewropea tal-farmaċewtika, filwaqt li nħarsu lejn soluzzjonijiet diġitali biex jiġu ffaċilitati l-proċessi relatati.”
Il-MPE Josianne Cutajar enfasizzat ukoll li huwa essenzjali li nisiltu tagħlimiet minn kriżijiet riċenti, bħall-COVID-19 u ż-żidiet fil-mard respiratorju aggravat min-nuqqas ta’ provvista adegwata ta’ mediċini.
Hi u tibni fuq il-ħidma tagħha ta’ matul din is-sena, li kienet tinkludi dibattitu fil-plenarja, kif ukoll ittra formali u mistoqsija orali indirizzata lill-Kummissjoni Ewropea, Dr Cutajar enfasizzat l-importanza li jiġu ppreżentati soluzzjonijiet effettivi f’dan is-settur. Hi enfasizzat l-importanza ta’ approċċ ta’ politika li jħaddan strateġija preventiva intrinsika biex jiġu antiċipati problemi, u tittieħed azzjoni f’waqtha, biex nilqgħu għal nuqqasijiet ta’ provvista qabel ma dawn jaffettwaw liċ-ċittadini tagħna. Il-MPE saħqet ukoll fuq l-importanza li tiżdied il-produzzjoni ta’ mediċini essenzjali u APIs fil-kontinent Ewropew, inkluż permezz ta’ mekkaniżmi u miżuri ta’ finanzjament b’saħħithom, simili għal dawk adottati fl-Att dwar iċ-Ċipep.
“Din hija opportunità kritika biex jiġi żgurat aċċess ugwali u affordabbli għall-kura għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea, irrispettivament minn fejn jgħixu jew minn liema kundizzjoni medika jbatu,” qalet il-MPE Josianne Cutajar, li baqgħet dedikata b’mod sħiħ fl-impenn tagħha lejn Ewropa aktar soċjali.