Il-MPE Josianne Cutajar f’Diskussjonijiet ta’ Livell Għoli fil-World Travel Market f’Londra

Din il-ġimgħa, il-MPE Josianne Cutajar ħadet sehem fl-avveniment magħruf tal-World Travel Market (WTM) ġewwa Londra. Bħala membru tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu tal-Parlament Ewropew, il-preżenza ta’ Cutajar f’dan l-avveniment enfasizzat it-twemmin tagħha fl-importanza ta’ konnettività u vjaġġar kemm jista’ jkun mingħajr xkiel wara l-Brexit u t-terminazzjoni konsegwenti tal-moviment ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit.

Bħala kelliema ewlenija f’diskussjoni b’rabta ma’ “Movimenti tal-Ivvjaġġar wara l-Brexit”, il-MPE Cutajar tat bidu għad-diskors tagħha billi ddikjarat li “persuni bħali li  ġejjin minn Malta, l-iżgħar stat membru tal-UE, affaċċjaw diversi sfidi ta’ konnettività għal għonq it-triq, iżda dan ma waqqafniex milli jkollna settur tat-turiżmu b’saħħtu li jospita viżitaturi mill-irkejjen kollha tal-kontinent u lil hinn. B’mod simili, ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea jistgħu jindirizzaw l-isfidi tal-Brexit permezz arranġamenti b’saħħithom u ta’ benefiċċju reċiproku.”

Il-MPE enfasizzat li l-qasam tal-ivvjaġġar bejn l-UE u r-Renju Unit wara l-Brexit ma jistax sempliċement jiġi definit mill-Brexit iżda jrid iqis ukoll l-isfidi globali ta’ wara l-pandemija, l-effetti tal-klima, kif ukoll realta’ ġeopolitika aktar volatili li twassal għal livell ogħla ta’ theddid kemm b’mod fiżiku kif ukoll fis-‘cyberspace’.

Filwaqt li fakkret lill-udjenza dwar il-valuri u l-passat komuni li jkomplu jorbtu lill-UE u lir-Renju Unit flimkien, Dr Cutajar enfasizzat il-ħtieġa għal aktar djalogu biex jiġi żgurat li filwaqt li nirrispettaw is-sovranità taż-żewġ naħat, nagħmlu l-almu tagħna biex inkomplu nallinjaw b’mod pragmatiku l-politiki tagħna f’oqsma ta’ valur miżjud sinifikanti. F’konformità ma’ dan, hija semmiet ukoll it-tama tagħha li r-Renju Unit jerġa’ jingħaqad mal-programm Erasmus, kif ukoll l-importanza tal-konsultazzjoni reċiproka u l-qsim tal-esperjenzi komuni fir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-Pakketti tal-Ivvjaġġar li mistennija sseħħ kemm minn Brussell kif ukoll minn Westminster.

Josianne Cutajar enfasizzat ukoll l-importanza tal-implimentazzjoni effettiva tal-iskemi l-ġodda ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar Ewropej (ETIAS) u Brittaniċi (ETA), bl-għan li tiġi żgurata soluzzjoni rapida u sigura li toffri serħan il-moħħ u effiċjenza, kemm lill-vjaġġaturi tal-UE kif ukoll lil dawk Brittaniċi. Madankollu, hija wissiet dwar ir-riskji ta’ scams u l-importanza li jiżdied l-għarfien u l-kampanji konġunti kontra l-miżinformazzjoni dwar dawn l-iskemi.

“Fil-fatt, fattur essenzjali biex tiġi miġġielda mhux biss il-miżinformazzjoni, iżda diversi sfidi fir-realtà ta’ wara l-Brexit, jinsab fit-trawwim tal-ħiliet neċessarji u l-indirizzar tan-nuqqas ta’ ħaddiema fuq iż-żewġ naħat”saħqet il-MPE Josianne Cutajar. Hija qalet ukoll li r-rekwiżiti l-ġodda tal-ivvjaġġar wara l-Brexit qed jippreżentaw sfida, iżda wkoll opportunità għall-introduzzjoni ta’ soluzzjonijiet diġitali u teknoloġiċi li jistgħu jiffaċilitaw il-kontrolli, is-sigurta’ u l-esperjenza ħolistika tal-ivvjaġġar.

Waqt iż-żjara tagħha fil-WTM, Dr Cutajar żaret ukoll l-istands tal-esibituri differenti, inkluż l-istand ta’ VisitMalta, kif ukoll ta’ atturi ewlenin fl-industrija, li magħhom tkellmet dwar l-istat tas-settur turistiku u kif approċċ aktar koordinat jista’ jgħin lis-settur tat-turiżmu lokali u Ewropew jsaħħaħ il-kompetittività tiegħu fuq livell globali.

 

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn