Il-MPE Josianne Cutajar iżżur il-Valletta Cruise Port u tiddiskuti l-iżviluppi attwali Ewropej

Nhar il-Ġimgħa, il-Membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar intlaqgħet mill-Kap Eżekuttiv Stephen Xuereb u membri tal-maniġment tal-Valletta Cruise Port waqt żjara b’rabta mal-20 anniversarju tagħhom.  

Matul din iż-żjara, li ntemmet b’laqgħa mal-Bord tad-Diretturi, Dr Cutajar kellha l-opportunità li tifhem aħjar l-operat tal-port u l-iżviluppi riċenti, tiddiskuti liġijiet ġodda u żviluppi oħra fi ħdan l-Unjoni Ewropea, kif ukoll tisma’ t-tħassib u s-suġġerimenti tal-industrija. 

Il-MPE Josianne Cutajar faħħret l-investimenti sinifikanti fejn tidħol is-sigurta’ u s-sostenibbiltà ambjentali. Dan hekk kif il-Valletta Cruise Port qed jimplimentaw Sistema ta’ Immaniġjar b’rabta mar-Riskju Ambjentali (ERMS), li se ġġib magħha akkreditazzjoni internazzjonali ta’ “port ekoloġiku”. Barra minn hekk, il-Valletta Cruise Port qed tappoġġja l-inizjattiva ta’ 49.9 miljun Ewro meħuda mill-Gvern ta’ Malta biex jiżviluppa infrastruttura tal-elettriku max-xatt bħala parti mill-Proġett tal-Arja Nadifa tal-Port il-Kbir. 

“Valletta Cruise Port hija komponent vitali tal-industrija tat-trasport u t-turiżmu f’Malta, kif inhi wkoll l-attività tal-cruisliners” qalet il-MPE Josianne Cutajar. Skont l-NSO, l-għadd ta’ passiġġieri li jżuru Malta fuq cruiseliners żdied b’46,786 matul is-sena 2022. 

“Huwa importanti li bħala pajjiż u Unjoni Ewropea nkomplu nżidu l-investiment tagħna fit-teknoloġiji u l-infrastruttura meħtieġa, inkluż fl-infrastruttura ekoloġika u l-provvista tal-enerġija aktar nadifa, mhux biss biex inlaħħqu mal-obbligi li se jkollna taħt il-liġijiet ambjentali l-ġodda tal-FitFor55, iżda wkoll bħala qalba lejn turiżmu ta’ kwalità. Inħares ‘il quddiem biex inkompli nkun vuċi fil-Parlament Ewropew għat-tħassib u l-aspirazzjonijiet tal-industrija Maltija fil-qasam tat-trasport u t-turiżmu”, ikkonkludiet il-Membru Parlamentari Ewropew.

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn