Fil-kapaċità tagħha bħala Viċi President ta’ SEArica għall-SMEs u d-Diġitalizzazzjoni, il-MPE Josianne Cutajar, flimkien mal-Konferenza tar-Reġjuni Marittimi Periferiċi, ospitat konferenza intitolata “Opportunitajiet u sfidi għall-SMEs blu u r-reġjuni marittimi”. Matul din il-konferenza, ġew diskussi diversi oqsma, inkluż opportunitajiet ta’ finanzjament u investimenti relatati mal-enerġija u l-akwakultura tal-baħar.
Min-naħa tagħha, il-MPE Cutajar osservat li ħafna negozji zgħar u medji fis-settur jaffaċċjaw ostakli biex ikomplu jikbru. Dawn l-ostakli jinkludu nuqqas ta’ għarfien dwar l-opportunitajiet ta’ finanzjament disponibbli għall-SMEs marittimi u nuqqas ta’ aċċess għall-finanzi. Fl-istess ħin, ħafna SMEs jissieltu mal-konformità regolatorja, li tista’ tkun mitigata mill-aċċess għal pjattaforma konsultattiva t-tajba u aċċessibbli, qalet il-MPE.
“Barra minn hekk, meta l-SMEs blu jinbtu minn gżejjer bħal Malta u Għawdex, huma jkunu wkoll affettwati mill-insularità. U f’dan il-kuntest, nuqqas ta’ impjegati jew ħiliet jista’ jkun ta’ xkiel akbar għalihom. F’dan il-kuntest, id-diġitalizzazzjoni tal-SMEs blu ssir importanti doppjament; għaliex tolqot kemm prattiċi aktar sostenibbli u produttivi, u tista’ wkoll tkun mezz ta’ aċċess għal opportunitajiet ta’ tkabbir. “B’dan il-mod, filwaqt li ibatu minn żvantaġġi naturali, il-gżejjer għandhom il-potenzjal li jsiru test beds għall-SMEs blu”, qalet Cutajar.
Fl-aħħar nett, Josianne Cutajar irrimarkat ukoll li l-involviment ta’ dawk li jfasslu l-politika għandu jsaħħaħ ir-rwol tal-SMEs li jixprunaw l-innovazzjoni u l-intraprenditorjat, speċjalment minħabba li għandhom rwol importanti x’jaqdu fil-kisba tal-ħiliet u impjiegi diġitali. “Għandna ngħinu lill-SMEs blu tagħna jirrikonċiljaw teknoloġiji innovattivi mal-ħolqien ta’ enerġija nadifa u affordabbli, kif ukoll impjiegi sostenibbli u benefiċċji għall-komunità lokali in ġenerali” temmet Dr Cutajar.