Il-MPE Josianne Cutajar tenfasizza l-importanza tal-Istrateġija għall-Iżvilupp Reġjonali biex jintlaħaq il-potenzjal sħiħ ta’ Għawdex

 Il-MPE Josianne Cutajar iltaqgħet mal-Awtorità Reġjonaligħall-Iżvilupp ta’ Għawdex (GRDA) sabiex tiddiskuti l-istrateġija li għadha kif tnediet, bi pjan ta’ direzzjoni għal għaxar snin u bl-għan li Għawdex jilħaq in-newtralità f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju. 

Id-diskussjoni bejn il-MPE u l-GRDA ffukat fuq aspetti ta’ importanza sinifikanti għall-benesseri ekonomiku, soċjali u ambjentali ta’ Għawdex, b’konformità mal-istrateġija li tnediet dan l-aħħar. Dawn jinkludu t-turiżmu sostenibbli, it-tranżizzjoni ambjentali u diġitali, il-ħiliet, il-konnettività, u programmi mfassla apposta bl-għan li jgħinu lill-industrija Għawdxija biex issaħħaħ il-ħiliet tal-impjegati tagħha f’oqsma bħall-kultura, il-folklor, it-tradizzjonijiet gastronomiċi, l-aspetti rurali u naturali. 

L-istrateġija, li tnediet wara konsultazzjoni estensiva ma’ diversi partijiet interessati, tenfasizza l-importanza ta’ politika mfassla apposta b’mod li tirrispetta l-karattru uniku ta’ Għawdex, b’referenza għal Għawdex bħala “gżira tal-villaġġi”, distinta mill-gżira prinċipali li hi aktar urbanizzata. F’dan ir-rigward, Dr Cutajar faħħret l-enfasi tal-istrateġija fuq l-importanza li l-iżvilupp isir b’mod sostenibbli li jsaħħaħ il-kultura u l-karatteristiċi ta’ Għawdex, li jinkludi l-preservazzjoni tal-karatteristiċi ewlenin taċ-ċentri tal-villaġġi u ż-żoni ħodor bejn villaġġ u ieħor. 

Filwaqt li laqgħet l-istrateġija u rringrazzjat lill-GRDA għax-xogħol imwettaq fir-rigward, il-MPE Cutajar saħqet li din l-istrateġija m’għandniex inħarsu lejha f’iżolament. Hija osservat li d-dokument ta’ qabel il-baġit tal-2024 ġustament jenfasizza l-ħtieġa li niffukaw fuq il-partikolaritajiet u l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ Għawdex. “Ir-rikonoxximent tal-karatteristiċi reġjonali huwa kruċjali u din hija xi ħaġa li kontinwament imbuttajt ’il quddiem fil-Parlament Ewropew bħala membru tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, b’mod speċjali fir-Rapport tal-Gżejjer li nnegozjajt f’isem is-Soċjalisti”, qalet il-MPE Cutajar. 

“L-isfidi tal-gżejjer iż-żgħar, speċjalment dawk li qed ibatu minn insularità doppja bħal Għawdex, huma differenti minn dawk tal-Ewropa kontinentali — realta’ li nżomm fiċ-ċentru tal-ħidma tiegħi fuq il-gżejjer, it-turiżmu u t-trasport fil-Parlament Ewropew. Għalhekk, huwa sinifikanti ħafna li l-istrateġija tal-GRDA tenfasizza l-isfidi u theddid potenzjali, filwaqt li tidentifika wkoll il-punti b’saħħithom u l-opportunitajiet tal-gżira. Politiki u skemi adegwati bbażati fuq il-kunsiderazzjonijiet ta’ din l-istrateġija jistgħu verament jgħinu lil Għawdex jilħaq il-potenzjal tiegħu”, ikkonkludiet il-MPE Josianne Cutajar.


Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn