Il-MPE Josianne Cutajar tikkonkludi b’suċċess negozjati dwar żewġ liġijiet importanti

Din il-ġimgħa, il-MPE Josianne Cutajar kellha ħidma ta’ suċċess doppja f’negozjati bejn il-Parlament u l-Kunsill, fil-preżenza tal-Kummissjoni Ewropea, fuq żewġ liġijiet importanti li se jwasslu għal aċċessibbiltà diġitali aktar b’saħħitha u ekosistema tat-turiżmu aktar ibbilanċjata.

Intant, matul il-ġurnata tat-Tnejn, bħala n-negozjatriċi tas-Soċjalisti f’isem il-Kumitat għall-Industrija u t-Teknoloġija (ITRE), Dr Cutajar ikkonkludiet b’suċċess in-negozjati dwar l-Att Ewropew għall-Interoperabbilta’, liġi li għandha l-għan li tiffaċilita l-aċċess tad-data onlajn fis-settur pubbliku, kif ukoll li twassal għal servizzi pubbliċi faċilitati fl-Istati Membri kollha. L-Att jagħti prijorità lit-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi, jiżgura aċċess ugwali għaċ-ċittadini u n-negozji kollha, u jippromwovi t-tisħiħ kontinwu tal-ħiliet tal-ħaddiema tas-settur pubbliku.

Matul il-jum tal-Erbgħa, imbagħad, il-MPE Josianne Cutajar tat sehem importanti biex intlaħaq ftehim bejn l-istuzzjonijiet Ewropej dwar ir-Regolament dwar il-Kirjiet għal Żmien Qasir (Short Term Rentals). Bħala n-negozjatriċi ewlenija f’isem il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, Dr Cutajar imbuttat għal qafas regolatorju u ta’ qsim ta’ informazzjoni u data li ser jgħin bis-sħiħ sabiex ikollna ekosistema tat-turiżmu aktar trasparenti, ibbilanċjata u sostenibbli. Dan anke fil-kuntest li s-suq tal-Kirjiet għal Żmien Qasir, akkomodazzjoni li hi offruta anke fuq pjattaformi rinomati bħal Airbnb u Booking.com, qed ikompli jikber b’mod kontinwu. Ir-Regolament se jġib vantaġġi diversi, b’benefiċċju għall-awtoritajiet lokali, sidien li jikru l-propjeta’ tagħhom għal żmien qasir, pjattaformi onlajn, lukandiera, turisti u anke l-komunitajiet lokali. Fost l-elementi importanti li ġew innegozjati b’suċċess, hemm proċess ta’ reġistrazzjoni aktar faċli u bi spejjeż minimi għal dawk li se jikru l-propjeta’ tagħhom, flimkien ma’ protezzjoni akbar biex jiġu identifikati propjetajiet offruti għall-kiri b’mod illegali.

F’kummenti relatati, il-MPE Cutajar esprimiet is-sodisfazzjon tagħha lejn il-kontribuzzjoni effettiva tagħha fil-qasam diġitali u sabiex nimxu lejn setturi pubbliċi u industrijali aktar effiċjenti, inklussivi u sostenibbli.

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn