Il-MPE Josianne Cutajar tilqa’ l-appoġġ kbir għall-programm tad-Deċennju Diġitali

Il-Parlament Ewropew approva l-ftehim proviżorju dwar il-Programm ta’ Politika 2030 “Path to the Digital Decade”, li l-MPE Cutajar ħadmet direttament fuqu bħala negozjatriċi f’isem is-Soċjalisti u d-Demokratiċi. Fid-diskors tagħha eżatt qabel il-vot fil-plenarja, il-MPE Josianne Cutajar qalet li permezz tad-Diċenju Diġitali l-Unjoni Ewropea qed timpenja ruħha favur id-diġitalizzazzjoni permezz ta’ miri tanġibbli, pass importanti li jeħtieġ li jiġi segwit minn azzjonijiet konkreti oħra. 

Fid-diskors tagħha waqt il-plenarja, Cutajar qalet li d-Deċennju Diġitali jagħti lill-Istati Membri biżżejjed flessibbiltà biex jimplimentaw id-diġitalizzazzjoni filwaqt li jikkunsidra l-punt tat-tluq ta’ kull pajjiz.

Fost il-punti pożittivi ta’ dan il-programm, Cutajar enfasizzat l-impenn biex tinkiseb konnettività tajba u sigura madwar l-UE, inkluż f’reġjuni rurali u remoti, bħall-gżejjer. Hija rreferiet ukoll għall-miri importanti li jeħtieġ li jintlaħqu mill-UE u l-Istati Membri tagħha sal-2030. Fil-fatt, fost dawn il-miri, huwa mistenni li sal-2030 mill-inqas 80 % ta’ dawk li għandhom bejn is-16 u l-74 sena jkollhom ħiliet diġitali bażiċi, 75 % tal-intrapriżi tal-Unjoni għandu jkollhom servizzi tal-cloud computing, il-big data u l-intelliġenza artifiċjali; u aktar minn 90 % tal-SMEs jilħqu mill-inqas livell bażiku ta’ intensità diġitali. 

Aspett soċjali importanti ieħor imbuttat minn Josianne Cutajar matul in-negozjati, huwa

l-importanza li aħna u naħdmu biex nilħqu dawn il-miri, inżommu f’moħħna dawk żvantaġġati, inkluż l-anzjani u dawk li ma jistgħux jaċċessaw l-internet. Għal din ir-raġuni, minbarra l-ħiliet adegwati, għandha tiġi garantita l-aċċessibbiltà offline tas-servizzi pubbliċi matul it-tranżizzjoni diġitali.

Filwaqt li rrimarkat li l-miżuri l-ġodda se jinkoraġġixxu l-inklużjoni soċjali, id-demokratizzazzjoni tal-ħiliet diġitali għaċ-ċittadini tagħna u t-tnaqqis tad-distakk diġitali bejn il-ġeneri, il-MPE Cutajar enfasizzat li l-ġlieda għal tranżizzjoni diġitali ġusta u inklussiva m’għandhiex tieqaf sakemm jinkisbu drittijiet diġitali aktar b’saħħithom, inkluż id-dritt għall-internet bħala dritt fundamentali.

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn