Il-MPE Josianne Cutajar tisħaq fuq l-importanza t’aktar Kollaborazzjoni Trans-Atlantika f’Delegazzjoni f’Silicon Valley

Il-MPE Josianne Cutajar intgħażlet biex tirrappreżenta lill-Parlament Ewropew bħala parti minn delegazzjoni tal-Kumitat għall-Industrija, it-Teknoloġija, ir-Riċerka u l-Enerġija (ITRE) fi żjara f’Silicon Valley, fl-Istati Uniti tal-Amerika, post li hu magħruf sew bħala ċentru globali tal-innovazzjoni u t-teknoloġija. Id-delegazzjoni ltaqgħet ma’ uħud mill-atturi l-aktar prominenti fil-qasam tat-teknoloġija, bħal Google, Meta, u NVIDIA, kif ukoll ma’ rappreżentanti ewlenin oħra bħal esperti mill-Università ta’ Stanford. Id-delegazzjoni kellha wkoll diskussjoni mar-rappreżentanti tal-Uffiċċju tal-Unjoni Ewropea u Konsulari minn Membri Stati Ewropej differenti li jwettqu l-ħidma tagħhom fiż-Żona tal-Bajja ta’ San Francisco, fejn ġew esplorati possibbiltajiet ta’ kooperazzjoni fil-qasam diġitali.

F’laqgħat ma’ diversi partijiet ikkonċernati, id-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew kellha diskussjonijiet fit-tul dwar leġiżlazzjoni diġitali ewlenija li qed tiġi introdotta mill-Unjoni Ewropea u l-impatt li din se jkollha lil hinn mill-kontinent Ewropew, speċjalment fejn tidħol l-Intelliġenza Artifiċjali (IA) u ċ-Ċibersigurtà, kif ukoll dwar ir-realtajiet attwali fis-settur u sinerġiji possibbli. Suġġett ieħor, li kien diskuss, huwa dak tal-metaverse u l-potenzjal tiegħu fejn tidħol il-kollaborazzjoni bejn l-aqwa imħuħ fid-dinja.

Il-MPE Cutajar, li kkontribwixxiet b’mod attiv għall-Att dwar l-IA u leġiżlazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà fil-Parlament Ewropew, saħqet li hu essenzjali li ż-żewġ kontinenti jiffukaw fuq l-għanijiet u l-interessi komuni, filwaqt li nipprijoritizzaw l-iżvilupp tal-IA b’mod etiku u b’mod li l-bniedem jinżamm fiċ-ċentru tagħha, it-tisħiħ tar-reżiljenza u s-sigurtà tal-infrastruttura u n-networks diġitali tagħna u t-trawwim tal-ħiliet diġitali meħtieġa.

Sadanittant, f’laqgħa mas-Senatur tal-Istat ta’ Kalifornia Josh Becker, tqajmu paralleli bejn l-miri u l-politika ambjentali Ewropea u dik f’Kalifornja, b’Dr Josianne Cutajar tenfasizza l-ħtieġa għal reżiljenza infrastrutturali fid-dawl tal-effetti tat-tibdil fil-klima. It-tranżizzjoni ekoloġika u l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa kienu wkoll tema ewlenija fiż-żjara tad-delegazzjoni fil-Laboratorju Nazzjonali ta’ Lawrence Berkley.

“It-tisħiħ tal-kooperazzjoni transatlantika, b’enfasi fuq sforzi konġunti ta’ riċerka u innovazzjoni, huwa kruċjali biex jiġu indirizzati l-isfidi u l-opportunitajiet komuni li naffaċċjaw globalment, kemm fl-oqsma diġitali u ambjentali, u lil hinn,” ikkonkludiet il-MPE Josianne Cutajar.

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn