“Il-pandemija urietna l-importanza li nibnu reżiljenza għal kull eventwalità” – Il-MPE Josianne Cutajar fl-ewwel laqgħa tal-kumitat għall-istrateġija ta’ wara l-COVID fil-Parlament Ewropew

Aktar kmieni llum, saret l-ewwel laqgħa tal-kumitat speċjali dwar il-Covid19 fil-Parlament Ewropew. Xogħol dan il-kumitat ser ikun li jħares lejn it-tagħlimiet mill-pandemija, filwaqt li jagħmel ukoll rakkomandazzjonijiet fejn jidħlu l-oqsma affetwati bħas-saħħa, ir-rispett għad-demokrazija u d-drittijiet fundamentali, l-aspett soċjali u l-impatt ekonomiku.

Il-Membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar hija l-unika Maltija f’dan il-kumitat ta’ ħidma, li huwa magħmul minn 38 MPE.

F’kummenti wara din l-ewwel laqgħa, Cutajar spjegat li dan il-kumitat ser ikun qed janalizza l-mod kif il-pandemija ħalliet impatt fuq ix-xogħol, inkluż it-telework, il-faqar u saħansitra l-irwol tad-diġitalizzazzjoni. Dan filwaqt li ser jiġi analizzat il-effett fuq l-edukazzjoni u l-ugwaljanza tal-ġeneru anke minħabba r-restrizzjonijiet imposti. 

Il-MPE Josianne Cutajar qalet li se taħdem bis-sħiħ sabiex l-aspett soċjali jinżamm fiċ-ċentru tal-ħidma ta’ dan il-Kumitat, kif ukoll biex ikun hemm triq ‘il quddiem għas-setturi l-aktar affetwati bħall-kultura, l-ospitalita’ u t-turiżmu. 

F’kummenti konklussivi, il-MPE Cutajar saħqet li huwa importanti ħafna li l-Ewropa, inkluż ir-reġjuni remoti u l-gżejjer tagħha, jieħdu tagħlima ewlenija mill-pandemija: dik li fiż-żminijiet it-tajbin għandna naħsbu għaż-żminijiet ta’ sfida. “Il-pandemija hi tagħlima għax fakkritna fl-importanza li nibnu reżiljenza għal kull eventwalita’ li tista’ tinqala’, inkluż fejn tidħol is-saħħa, it-trasport, it-turiżmu u l-ktajjen tal-provvista. Tfakkira li kompliet tissaħħaħ wara l-invażjoni fuq l-Ukranja”.

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn