Fil-jiem li għaddew kellna okkażjoni li immarkajna kif xieraq – il-100 jum ta’ Robert Abela fit-tmun tal-pajjiż, li ġiet propja ftit wara li bħala Partit Laburista ċċelebrajna l-mitt sena mit-twaqqif tiegħu.
Mit-12 ta’ Jannar 2020, bdiet it-triq ta’ impenn, ħidma kontinwa u bla heda għat-tkomplija tal-ġid ta’ pajjiżna minn Robert Abela. Triq karatterizzata minn magħmudija tan-nar, minn sitwazzjoni bla ebda preċedent – dik miġjuba ħesrem mill-pandemija COVID-19.
Kellna Prim Ministru, li flimkien mal-kabinett tiegħu, wera kuraġġ u determinazzjoni biex mexxa lill-pajjiż bl-aħjar mod possibbli f’ċirkostanzi bla preċedent. Ħa deċiżjonijiet biex jikkumbatti l-pandemija, imma wkoll deċiżjonijiet biex naraw lil pajjiżna jibqa’ miexi ’l quddiem.
Ma jistax jonqos li nsemmi żewġ elementi importanti li jagħmluni kburija li jiena parti mill-Partit Laburista — valuri li l-Partit Laburista fil-Gvern qiegħed iwettaq: l-inklussività, u l-ugwaljanza.
Il-ħatra ta’ Oliver Scicluna bħala Membru Parlamentari Laburista bagħtet messaġġ b’saħħtu li rridu li persuni b’diżabilità jkunu qed imexxu, mhux biss għax nemmnu li l-Parlament irid ikun dejjem iktar rappreżentattiv tad-diversi setturi fis-soċjetà imma għax nemmnu fil-kwistjoni ta’ abbiltajiet differenti. Dan kien proprju l-messaġġ tal-Prim Ministru Robert Abela u ta’ min inżommuh f’moħħna għax qed juri direzzjoni importanti u ċara għall-politika Laburista fix-xhur u s-snin li ġejjin.
Dan huwa Gvern li jwiegħed u jwettaq. U dan narawh ukoll f’xogħol li sar u qed naraw il-frott tiegħu propju f’dawn il-jiem. Qed nirreferi hawn għall-abbozz ta’ liġi li se jwassal għal rappreżentanza aktar ugwali fil-Parlament. Inizjattiva importanti u storika ta’ Gvern Laburista li se tindirizza d-defiċit demokratiku ta’ rappreżentanza baxxa tan-nisa fl-isfera politika.
Lil hinn minn dawn il-kisbiet, li huma biss parti minn kullana ta’ miżuri progressivi li għamel b’għaqal Gvern Laburista fl-aħħar snin, inħares b’ħeġġa lejn dak li għandna quddiemna: dan hu mument mimli tama għal Malta. Filwaqt li niffaċċjaw l-isfidi ta’ bħalissa, ejja ma nħalluhomx itellfuna mill-impenn li għalih qed inxammru l-kmiem għal għada.
Għandna Prim Ministru u tim sħiħ iffukati fuq pjan ta’ rkupru għall-pajjiż. Nafu li dan huwa żmien mill-aktar straordinarju, imma wkoll li se jgħaddi.
U dan huwa propju l-mument fejn irridu naħsbu u nirriflettu mhux biss fuq in-“normalità ġdida” li ninsabu fiha, iżda wkoll fuq xi jfisser għas-soċjetà tagħna li tirkupra minn dak li għaddejna u għadna għaddejjin minnu.
Irridu nibdew nifhmu l-effetti li kellha l-pandemija mhux l-inqas fuq is-sitwazzjonijiet li diġà kienu qed joffru sfida lis-soċjetà tagħna qabel – hawn qed nitkellem mhux biss dwar il-prijorità li qed tingħata għall-irkupru ekonomiku – imma wkoll naraw aspetti oħra li l-pandemija għakkset – l-irkupru soċjali. Irridu nżommu f’moħħna kif matul l-aħħar xhur ġew affettwati u ntlaqtu uħud mill-aktar membri vulnerabbli tas-soċjetà Maltija u Għawdxija qabel dak li għaddejna minnu bil-Covid.
Irridu naħsbu f’persuni li kienu diġà jsofru qabel minn problemi ta’ saħħa mentali u nifhmu x’inhu l-impatt tal-ansjetà addizzjonali li ġabet magħha l-pandemija. Irridu naħsbu f’persuni b’diżabilità li ma jifhmux kif inqata’ l-kuntatt dirett magħhom minħabba d-distanza soċjali – il-kuntatt li tant bir-raġun kien wens għalihom, dik it-tgħannieqa. L-istess l-anzjani tagħna, u l-aktar dawk fosthom li kellhom ibatu s-solitudni u n-nuqqas ta’ kuntatt dirett mal-qraba tagħhom. Nafu wkoll li l-pjaga tal-vjolenza domestika għadha fostna, u għolliet rasha fi żmien il-pandemija.
Hemm aktar. Ikellmuni spiss ġenituri li l-pandemija ħolqitilhom sitwazzjoni. Il-ħin twil li t-tfal tagħhom għamlu mhux biss onlajn minħabba t-tagħlim, imma wkoll ħin itwal fuq it-tablets u l-ipads minħabba li dan huwa l-iżvog tagħhom fid-dinja moderna teknoloġika speċjalment ta’ bħalissa. Kif se nevalwaw l-effetti ta’ dawn il-ħinijiet twal li għamlu uliedna onlajn?
Aħna u nfasslu l-politika soċjali tagħna għaż-żmien li ġej, ejja naħsbu dwar l-impatt fit-tul ta’ dawn il-forom varji ta’ ansjetà. Jekk diġà kellna dawn l-isfidi eżistenti qabel, kif żdiedu dawn, u b’liema mod? U x’inhuma l-aktar soluzzjonijiet effettivi li nistgħu nersqu għalihom?
Kif għidt ftit tal-ġimgħat ilu, ir-risposti kollha m’għandix. Iżda ninsab ċerta li sabiex naslu għalihom, l-istakeholders kollha flimkien magħna l-politiċi, irridu niġbdu ħabel wieħed u niddjalogaw b’rieda ġenwina lejn soluzzjonijiet tajbin u f’waqthom.
Bla dubju li r-realtà tal-pandemija poġġiet uħud mill-membri tas-soċjetajiet tagħna f’forom ta’ żvantaġġ, li issa hi responsabbiltà tagħna li noħolqu tweġibiet għalihom. Dan il-mument qed jitlob minna risposti ġodda għal sfidi ġodda. It-tifsira u l-ħtiġijiet tal-inklussività llum irridu ngħarbluhom u nifhmuhom mill-ġdid.
Min-naħa tiegħi ninsab determinata li nkompli nsaħħaħ il-ħidma tiegħi fuq livell Ewropew, biex it-teknoloġija, l-intelliġenza artifiċjali u s-soluzzjonijiet ġodda tax-xjenza nagħmluhom disponsibbli għal kulħadd.
U dan bil-għan li kull persuna fostna, huma x’inhuma l-abbiltajiet jew il-mezzi tagħha, ikollha sehem akbar fil-ġid soċjali, u aċċess dejjem aħjar għas-servizzi u l-opportunitajiet li jtejbulha ħajjitha.