Il-Malti jgħid li mix-xewk joħroġ il-ward. U jekk inqisu li l-pandemija COVID-19 kienet bla dubju x-xewk li niggiżna sew matul is-sena li għaddiet, imma għandna nkunu pożittivi li se nimxu fit-triq ’il quddiem, triq ta’ rkupru li tressaqna eqreb lejn in-normalita`.
Qed ngħid dan għaliex nemmen li jekk urietna triq ‘il quddiem minkejja t-tbatija li ġabet magħha, il-COVID-19 għallmitna li l-ħarsien tagħna nfusna u l-ħarsien ta’ dawk ta’ madwarna jiddependu fuq xulxin, u li ma jistax ikun hemm waħda mingħajr l-oħra.
Nemmen li dan jgħodd għal kulħadd u fuq kull livell. Bħala individwi, bħala komunitajiet, bħala pajjiżi, bħala stati membri Ewropej. Irridu nkunu kunfidenti li se naslu u fuq kollox, iva, pożittivi li se naslu għar-riżultati tant mixtieqa.
Din il-pandemija, jekk xejn, daħħlet lil kulħadd f’qoxortu, imma wkoll daħħlet sens ġdid f’kull wieħed u waħda minna. Għallmitna li r-reċiproċità hija valur bażiku biex ikollna soċjetajiet tassew sani. Dan jgħodd mhux biss għall-imsieħba u ċittadini fil-pajjiżi tagħna, imma anke għall-mod kif għandhom ifittxu li jaġixxu Stati Membri Ewopej bejniethom.
Bħala politiku, għandi aġenda. U din ma hija xejn ħlief l-attenzjoni lejn il-ħtiġijiet tal-membri kollha li jagħmlu parti mis-soċjetà – dik Ewropea u fuq kollox dik Maltija u Għawdxija. Dan huwa dak li rridu nkomplu naħdmu għalih matul il-ġimgħat, ix-xhur li ġejjin.
Il-pandemija tellgħet aktar fil-wiċċ il-ħtiġijiet ta’ dawk li għandhom bżonn aktar attenzjoni, tal-vulnerabbli. Meta l-affarijiet jitjiebu u l-Covid negħlbuha, dak li nifhmu b’ħarsien soċjali se jkompli jinbidel u rridu nkunu aktar lesti minn qatt qabel biex nantiċipaw il-ħtiġijiet ta’ dawk l-aktar vulnerabbli fostna.
Għidtha x’imkien ieħor, imma ma niddejjaqx nirrepeti. Dan is-sens ta’ impenn mill-aktar qawwi stajt insegwih b’għajnejja stess meta żort il-Komunità Terapewtika immexxija mill-Caritas f’San Blas u hemm rajt eżempju ta’ kif soċjetà tista’ tkun waħda infurmata, b’impenn sħiħ u b’kompassjoni sħiħa.
F’ħidmieti kelli wkoll l-opportunita` li nqajjem kuxenjza fejn jidħlu tfal li għaddew minn, jew jinsabu f’sitwazzjonijiet ta’ vjolenza domestika jew abbuż. Għall-quddiem il-ħsieb għalija jibqa’ wieħed ċar: li l-ħarsa u l-attenzjoni tagħna trid, aktar ma jgħaddi ż-żmien, issir iżjed attenta u ffukata dwar kif is-soċjetà nkabbruha b’mod li fiha ħadd ma jitħalla f’diffikultà jew imċaħħad mid-drittijiet li, mhux biss fuq il-karta, imma fir-realtà, jkunu verament tiegħu jew tagħha.
Għalhekk, matul iż-żmien li ġej se nara li aħna l-politiċi nkomplu nifhmu li l-bżonnijiet u l-aspirazzjonijiet li nħejju għalihom bil-politika tagħna irridu nirreveduhom f’ħinijiet iqsar, u nkunu aktar rapidi fil-mod ta’ kif nirrispondu biex nemendaw il-politika u l-liġijiet tagħna biex dawn ikunu dejjem aktar u b’mod għaqli rilevanti għall-qagħda tal-mument u għas-setturi kif ikunu jeħtiġuhom f’dak il-mument. Hemm bżonn li l-ħidma soċjali tissaħħaħ, mhux anqas fil-livell Ewropew.
Irridu nifhmu b’mod ċar li hemm għadd mhux żgħir miċ-ċittadini tagħna li, fi kwalunkwe mument ta’ ħajjithom, u għal raġuni jew oħra, ikunu jew f’riskju ta’ solitudni jew fi ħtieġa aktar minn oħrajn biex ikollhom persuni jisimgħuhom u jagħtuhom l-attenzjoni għal dak li jixtiequ jgħidu. Din hija xi ħaġa li niltaqa’ magħha b’mod mill-aktar regolari fil-laqgħat tiegħi man-nies.
Ħidma soċjali ġdida titlob ukoll li t-teknoloġiji ġodda ta’ żmienna nadattawhom u nagħmlu enfasi fuq ir-rilevanza soċjali tagħhom – eżempju, jista’ jkollna mezzi ta’ trasport li jaħdmu bl-intelliġenza artifiċjali, li tista’ tkun kruċjali wkoll biex inħaddmu għadd ta’ funzjonijiet soċjali oħra inklużi dawk ta’ aċċess u servizzi domestiċi għal persuni b’diżabilità u dawk anzjani.
Irridu nkomplu nisħqu fuq il-ħtieġa li t-teknoloġiji elettroniċi u diġitali jintużaw biex itejbu l-kwalità tal-ħajja għall-workforce tagħna – għalhekk għażilt li nisħaq matul is-sena li għaddiet dwar il-ħtieġa ta’ arranġamenti ġodda fejn jidħol xogħol flessibbli jew b’mod remot.
Riga importanti għal kemm il-qabża diġitali se tkun waħda effettiva hija jekk din tassew jirnexxiliex iġġib qabża soċjali ta’ kwalità jew le. Għax hekk nemmen bis-sħiħ li għandu jkun.
Dan jinkludi l-abbiltà tagħna li t-teknoloġija u l-inklussività nħaddmuhom id f’id – jiġifieri li l-mezzi teknoloġiċi, l-intelliġenza artifiċjali u t-teknoloġija tal-informatika jirexxilna attwalment nużawhom biex aktar individwi jkunu parteċipi u attivi f’kull stadju ta’ ħajjithom fil-ħajja soċjali, edukattiva u fil-workforce innifisha.
Għandna sena oħra ta’ ħidma quddiemna. Sena li għandha piż iżjed minn snin oħra. Għaliex irridu naħdmu biex nirkupraw mis-sitwazzjoni bla preċendent li daħħlitna fiha l-pandemija, imma rridu nkomplu nibnu u nsaħħu l-ħidma soċjali tagħna, għall-benefiċċju ta’ dawk kollha li jħarsu lejna biex aħna nagħtuhom l-appoġġ u s-sostenn bil-ħidma u l-politiki tagħna.
Din se tkun waħda mill-prijoritajiet ewlenin li se ssejjes il-qafas tal-ħidma tiegħi għal li ġej.