Josianne Cutajar tħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tieħu azzjonijiet urġenti relatati man-nuqqas ta’ mediċini

F’ittra lill-Kummissarji Schinas, Kyriakides u Breton, il-Membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar ħeġġet lill-Kummissjoni Ewropea biex tieħu miżuri urġenti biex tgħin lill-Istati Membri jiżguraw aċċess għal trattament għal pazjenti li qed jaffaċċjaw problemi biex jaċċessaw ċerta mediċina meħtieġa minħabba nuqqas ta’ stokk.

Dr Josianne Cutajar ingħaqdet ma’ għadd ta’ MPE oħra minn gruppi politiċi differenti biex tagħmel pressjoni fuq il-Kummissjoni Ewropea fid-dawl taż-żieda f’daqqa ta’ mard respiratorju, li irriżulta fi pressjonijiet fuq l-isptarijiet u tnaqqis fir-riżervi tal-mediċini. Dan wassal biex is-sistemi tas-saħħa madwar l-Ewropa kollha jkollhom nuqqas ta’ mediċini, inklużi antibijotiċi, analġeżiċi u mediċini antipiretiċi.

Matul il-plenarja ta’ din il-ġimgħa, il-MPE Cutajar għal darb’oħra enfasizzat li l-UE għandha tagħti prijorità lill-produzzjoni strateġika tal-farmaċewtika fi ħdan l-UE, tinkoraġġixxi l-innovazzjoni, koordinament aħjar u d-dħul fis-suq ta’ apparat mediku kritiku. “It-tfal żgħar, l-anzjani tagħna u dawk kollha fil-bżonn, m’għandhomx jiġu mċaħħda minn mediċina u trattamenti adegwati, f’waqthom u bi prezz affordabbli” temmet tgħid Josianne Cutajar.

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn