Josianne Cutajar tisħaq li l-fertilizzanti għandhom ikunu affordabbli u disponibbli għall-bdiewa tagħna

Waqt dibattitu fil-plenarja dwar id-disponibbiltà tal-fertilizzanti, il-Membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar enfasizzat l-isfidi li l-bdiewa Ewropej qed jiffaċċjaw bħalissa u l-ħtieġa li tingħata prijorità lill-affordabbiltà u l-flessibbiltà fl-użu tal-fertilizzanti.

Dr Cutajar enfasizzat li l-bdiewa fl-Ewropa mhux biss ma jitħallsux biżżejjed għall-isforzi tagħhom, iżda qed ibatu wkoll biex jipproduċu l-ħsad tant meħtieġ. Il-MPE enfasizzat l-importanza li titnaqqas id-dipendenza tal-Unjoni Ewropea fuq pajjiżi terzi fejn tidħol l-importazzjoni tal-fertilizzanti, filwaqt li innotat wkoll li “l-bdiewa Ewropej jistennew li t-trasformazzjoni ambjentali li qed nimbuttaw għaliha tkun akkumpanjata minn investimenti, assistenza, tweġibiet ċari, u flessibbiltà fl-użu ta’ fertilizzanti naturali bħal RENURE, li jistgħu, u għandhom, jakkumpanjaw it-triq lejn ekonomija aktar sostenibbli u ċirkolari.”

Josianne Cutajar saħqet ukoll li filwaqt li l-agrikoltura għandha potenzjal kbir li ssir aktar sostenibbli u diġitali permezz tal-innovazzjoni u t-teknoloġija, hemm bżonn li issir ukoll aktar soċjalment sostenibbli permezz ta’ sosten u inċentivi lill-bdiewa tagħna, b’mod partikolari dawk li jiffaċċjaw spejjeż għoljin b’mod sproporzjonat, bħalma hu l-każ għall-bdiewa Maltin u Għawdxin, u oħrajn li ġejjin minn gżejjer bħal tagħna.

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn