Nieħdu l-Ewropa għand iċ-ċittadini, u ċ-ċittadini għand l-Ewropa

Huma ħafna dawk li jisimgħu bil-benefiċċji tal-Unjoni Ewropea fil-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini tagħna. Biss pero’, issib nies li meta jiġu mistoqsijin x’tagħmel l-Unjoni għalihom, kif taffetwahom fil-ħajja ta’ kuljum, jeħlu. Jeħlu, mhux għaliex ma tagħmilx differenza, imma għaliex ix-xogħol u l-bidliet li ġġib magħha l-Unjoni ħafna drabi jittieħdu bħal xi ħaġa astratta – li m’humiex. Naturalment, biex dan il-punt jiġi indirizzat bl-aktar mod komprensiv, irridu naraw li l-Ewropa ma tistenniex li ċ-ċittadini jiġu għandha, imma tmur hi għandhom, fiż-żoni fejn jgħixu, biex jifhmu aħjar ir-relevanza vera tagħha.


Il-ġimgħa li għaddiet, hekk għamilna bħala Soċjalisti Ewropej. Wara assenza ta’ sentejn minn laqgħat fiżiċi, iddeċidejna li niġu Malta għal-laqgħa ta’ Settembru, laqgħa li kien fiha wkoll interazzjoni mal-Maltin u s-soċjeta’ ċivili Maltija. Il-fatt li minn 27 stat membru tal-Unjoni, id-deċiżjoni waqgħet fuq Malta, juri l-fiduċja li jgawdi pajjiżna mis-Soċjalisti Ewropej: imma dik diskussjoni għal darb ‘oħra.

 

Id-diskussjoni tal-lum tikkonċerna kif nistgħu ninvolvu aktar nies. Irrid ngħid li f’dibattitu li kellna fuq il-Futur tal-Ewropa, flimkien mal-Ministru Carmelo Abela, kelli l-okkażżjoni nisma’ l-veduti ta’ Jacob Callus, Reb Xiberras, u Jean Fred Agius: tliet żgħażagħ li ġejjin minn organizzazzjonijiet differenti u minn sfond differenti. Kollha kellhom interventi tajbin, u kollha semmew punti validi mmens.


Fost dawn il-punti pereżempju kien hemm il-fatt li meta nitkellmu fuq żgħażagħ b’diżabbilta’, irridu nitkellmu mhux biss bil-kliem, imma wkoll bl-azzjoni. Iva, irridu naraw Unjoni Ewropea li toffri aktar aċċessibilita’ u inklussivita’ bil-fatti, anke waqt li tkun għaddejja bil-konsultazzjonijiet tagħha, inkluż tal-Konferenza għall-Futur tal-Ewropa.

 

Punt ieħor li qam kien il-fatt li rridu nżommu f’moħħna wkoll li l-Unjoni Ewropea hija ta’ kulħadd, u mhux ta’ min jgħix fl-aktar pajjiżi b’saħħithom biss. Min jgħix fil-periferija, u fiż-żoni l-aktar rurali tal-Unjoni, għandu jkollu d-dritt li jsemma leħnu daqs dawk li jgħixu Brussell, Pariġi u Berlin.


Ma jistax ikun li nibqgħu mmorru biss fl-ibliet u ċ-ċentri għall-konsultazzjoni għax hekk hu faċli u komdu loġistikament. In-nies t’Għawdex, tan-naħa t’isfel ta’ Malta, u tan-naħa ta’ fuq, ukoll jistħoqqilhom li jkollhom opportunita’ li jsemmgħu leħinhom, u dan irridu naraw li niffaċilitawh. Hekk pruvajt nagħmel jien il-ġimgħa li għaddiet meta fuq inizjattiva personali organizzajt l-avveniment “Europe Meets Gozo”, fejn kien hemm diversi Membri Parlamentari Ewropej minn madwar l-Ewropa kollha li ltaqgħu ma’ diversi stakeholders Għawdxin. Kien pjaċir tiegħi li f’din id-diskussjoni, ħarġu diversi punti saljenti, fosthom per eżempju l-importanza tal-aspett reġjonali Mediterranju u l-fatt li għandu jkun hemm ’l hekk imsejħa “Gozo Declaration” fejn tkompli l-kollaborazzjoni bejn il-partijiet kollha f’dan ir-rigward.

 

Żgħażagħ fi Strasburgu


Apparti pero’ li kif diġa spjegajt, irridu mmorru aħna għand iċ-ċittadini, daqstant ieħor irridu naraw li huma wkoll ikollhom l-opportunita’ li jiġu għandna biex ikomplu jifhmu u jiffamiljarizzaw ruħhom ma’ kif taħdem l-Unjoni Ewropea. Hekk ġara din il-ġimgħa wkoll fi Strasburgu, fejn mijiet ta’ żgħażagħ iltaqgħu għall-European Youth Event li jsir kull sena. Fuq bażi personali, jiena wkoll ħadt l-okkażżjoni li nagħti ċ-ċans lil għaxar żgħażagħ Maltin u Għawdxin li attendew għal dan l-avveniment. Dawn iż-żgħażagħ kellhom iċ-ċans li jżuru l-Parlament Ewropew, jipparteċipaw f’diversi attivitajiet li saru, jiltaqgħu ma’ żgħażagħ oħrajn Ewropej u jiddiskutu d-direzzjoni preżenti u futura tal-Unjoni: xi ħaġa li trid tkompli ssir jekk irridu nkomplu nibnu identita’ Ewropea permezz ta’ aktar interazzjoni.


Min-naħa tiegħi, ser inkompli naħdem biex nassigura li l-Ewropa verament tasal għand iċ-ċittadini diversi, f’kull raħal u belt f’Malta u Għawdex. Nemmen bis-sħiħ li sabiex ix-xogħol li qed isir fl-istituzzjonijiet Ewropej jiftiehem aħjar, irridu naċċertaw ukoll li l-messaġġ jasal, u jasal sew. Fuq din tal-aħħar fadal ħafna xi jsir, u ninsab ħerqana biex inkompli naħdem fir-rigward.

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn