“Se nkompli naħdem biex ma nħallu lil ħadd jaqa’ lura fid-dritt tal-aċċess għall-internet u drittijiet diġitali oħra” Il-MPE Josianne Cutajar b’messaġġ f’Jum l-Ewropa

Il-MPE Josianne Cutajar irrimarkat li Jum l-Ewropa ta’ din is-sena qed jiġi mfakkar f’kuntest speċjali hekk kif il-ġimgħa li għaddiet ġiet konkluża l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, b’ċelebrazzjoni uffiċjali ssir illum fi Strasburgu.

l-Konferenza tal-Futur tal-Ewropa, kienet proċess ta’ konsultazzjoni maċ-ċittadini Ewropej fuq ammont ta’ xhur bl-intenzjoni li tħares lejn l-Unjoni Ewropea u l-futur tagħha, fl-isfond tal-ħsibijiet u r-rakkomandazzjonijiet taċ-ċittadini Ewropej li ġew diskussi fi plenarja apposta. Il-Membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar, kienet l-unika rappreżentanta Maltija mis-Soċjalisti Ewropej f’din il-plenarja, fejn kompliet timbotta għal Ewropa aktar viċin in-nies, Ewropa li tilħaq il-periferija, Ewropa li ma’ tħalli lil ħadd warajha.

Bħala membru tal-Grupp ta’ Ħidma għat-Trasformazzjoni Diġitali f’din il-Konferenza, Cutajar imbuttat ukoll għal drittijiet ġodda, b’wieħed mis-suġġetti ewlenin ikun l-aċċess għall-internet bħala dritt fundamentali. “Fil-ħajja ta’ llum, l-aċċess għall-internet m’għadux kapriċċ iżda sar neċessita’” saħqet Cutajar.

Fi Frar li għadda, il-MPE Josianne Cutajar kienet waħda mill-Membri Parlamentari Ewropej tas-Soċjalisti li ffirmat ittra li sejħet għal Karta Ewropea għad-Drittijiet Diġitali u dan biex jiġu assigurat drittijiet diġitali aktar b’saħħithom. Fost l-oħrajn, din l-ittra irreferiet għall-aċċess tal-internet bħala dritt uman , u dan wara li fil-ħidma tagħha matul is-sena li għaddiet, il-MPE Cutajar kienet diġa’ bdiet tagħmel pressjoni anke permezz ta’ mistoqsija uffiċjali lill-Kummissjoni Ewropea bil-għan li tkompli timbotta għal dan id-dritt.

Josianne Cutajar fakkret li l-konnettività u l-internet, imma wkoll il-miri u politika favur aktar ħiliet diġitali fost iċ-ċittadini tagħna, huma essenzjali biex l-Unjoni Ewropea tilħaq lil kulħadd, inkluż dawk li ma jistgħux faċilment jivvjaġġaw lejn iċ-ċentri ta’ diskussjonijiet fl-ibliet u l-istituzzjonijiet biex iwasslu leħinhom.  “L-Unjoni mhix biss ta’ dawk li jgħixu Brussell, Strasburgu jew xi belt Ewropea oħra, imma wkoll ta’ dawk li jgħixu fil-gżejjer, żoni remoti u l-iżgħar villaġġi tal-Unjoni”, qalet il-MPE.

“Fadal ħafna aktar ħidma xi ssir f’dan il-kuntest, u filwaqt li ninsab sodisfatta bl-impenn tiegħi u ta’ sħabi matul din il-Konferenza f’dan il-qasam, se nkompli naħdem bis-sħiħ għal inklussività akbar fis-settur diġitali; f’din il-qalba importanti li rridu nagħmlu rridu verament naċċertaw li ma nħallu lil ħadd warajna”, temmet tgħid il-MPE.

Il-MPE Josianne Cutajar li kienet preżenti wkoll għal diversi attivitajiet organizzati matul dawn il-jiem fl-istituzzjonijiet differenti, inkluż fil-Parlament Ewropew fi Brussell, intiżi biex ikun hemm djalogu informali maċ-ċittadini dwar il-ħidma mwettqa, kompliet tisħaq fuq l-importanza li ċ-ċittadini, ġejjin minn fejn ġejjin, ikunu fiċ-ċentru tal-ħidma u l-konsultazzjoni tal-Unjoni Ewropea.

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn