Vot b’saħħtu ta’ fiduċja għall-ħidma tal-MPE Cutajar dwar il-Kirjiet Qosra u Servizzi Pubbliċi msaħħa

Il-MPE Josianne Cutajar irċeviet riżultat b’saħħtu ta’ fiduċja f’ħidmietha, hekk kif din il-ġimgħa żewġ fajls leġiżlattivi li kienet inkarigata minnhom, irċivew appoġġ qawwi mill-kollegi parlamentari tagħha f’żewġ kumitati differenti.

Dr Cutajar esprimiet il-gratitudni tagħha għall-appoġġ b’saħħtu mogħti lill-ħidma li hi wettqet matul l-aħħar ġimgħat u xhur bħala n-negozjatriċi tal-pożizzjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (TRAN) dwar ir-Regolament għall-Kiri għal Żmien Qasir (Short Term Rentals) u tal-Kumitat tal-Industrija u t-Teknoloġija (ITRE) dwar l-Att Ewropew għall-Interoperabbilta’. Fis-sessjoni ta’ votazzjoni fil-Kumitat TRAN, il-President tal-istess Kumitat saħansitra awgurat lil Dr. Cutajar li uriet ħila b’saħħitha ta’ ħolqien ta’ kunsens fost il-gruppi politiċi kollha, hekk kif irnexxiela tikseb unanimità kważi effettiva fil-vot dwar is-Short Term Rentals.

Bħala n-negozjatriċi ewlenija fil-Kumitat TRAN b’rabta ma’ din il-liġi, Cutajar mexxiet ’il quddiem diversi punti importanti b’rabta mat-tfassil ta’ regolamenti għal dan is-suq t’akkomodazzjoni li qiegħed jikber b’rata mgħaġġla f’Malta, Għawdex u lil hinn. Hija saħqet li huwa “ta’ privileġġ li taħdem favur il-ħolqien ta’ ekosistema bbilanċjata fis-settur, għall-benefiċċju tat-turisti u l-konsumaturi, tal-ospitanti kif ukoll tar-residenti.”

Fil-ħidma tagħha, Josianne Cutajar insistiet għal approċċ ibbilanċjat b’obbligi importanti ta’ trasparenza u qsim tad-data u informazzjoni b’rabta ma’ dawn il-kirjiet għal żmien qasir. Hi enfasizzat ukoll l-importanza li r-regoli applikabbli jkunu faċilment disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea u li l-proċess ta’ reġistrazzjoni jkun wieħed faċli, mingħajr ħlas jew bi spiża minima. “Din il-liġi għandha tiżgura li l-benefiċċji tal-ekonomija diġitali jkunu akkumpanjati b’responsabbiltajiet li jiggarantixxu prodott turistiku ta’ kwalità li jħaddan is-sostenibbiltà u li jkun wieħed ta’ rispett lejn il-komunitajiet lokali.

Fejn tidħol il-ħidma dwar il-liġi tal-interoperabbiltà, bħala n-negozjatriċi tas-Soċjalisti Dr Cutajar saħqet li “l-futur tas-servizzi pubbliċi jinsab fid-diġitalizzazzjoni u l-kommunikazzjoni effettiva tagħhom flimkien, fit-tnaqqis tal-piż amministrattiv u fl-aċċess ugwali u faċilitat għal kulħadd.” Josianne Cutajar żiedet tgħid li tinsab kunfidenti li dawn il-bidliet leġiżlattivi ser jiffaċilitaw ferm l-aċċess online għas-servizzi pubbliċi fil-pajjiżi differenti tal-Unjoni Ewropea, b’benefiċċju kemm għaċ-ċittadini u anke għan-negozji tagħna. Bħala parti minn ħidmietha, il-MPE Cutajar żgurat li jkun hemm riferenza għall-importanza li jiġu rikonoxxuti r-realtajiet ta’ żoni b’konnettività aktar baxxa, bħall-gżejjer, u wkoll li jkun hemm investiment fil-ħiliet u t-taħriġ tal-ħaddiema tas-settur pubbliku f’dan il-qasam. Josianne Cutajar imbuttat ukoll biex is-servizzi pubbliċi xorta waħda jiġu offruti b’mod fiżiku biex nassiguraw li jibqgħu disponibbli għal dawk li m’għandhomx il-ħiliet diġitali neċessarji, bħall-anzjani tagħna.

Fl-aħħarnett, il-MPE Cutajar saħqet li tħares ’il quddiem għal aktar ħidma favur ambjent diġitali ġust, kompetittiv u sostenibbli.

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn