Il-Kumitat dwar l-Iżvilupp Reġjonali fi ħdan il-Parlment Ewropew approva rapport dwar il-gżejjer u l-politika ta’ koeżjoni, b’39 vot favur minn 40, li fuqu ħadmet direttament il-Membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar.
Dr Cutajar irrimarkat ukoll li fl-isfond tal-pjanijiet u n-negozjati tad-“Digital Decade”, fejn diversi miri jridu jintlaħqu sal-aħħar tal-2030, il-gżejjer għandhom jieħdu l-opportunita’ li jżidu l-intensita’ diġitali tagħhom. “Minħabba li d-diġitalizzazzjoni tista’ tgħin fir-rigward tal-insularita’ li l-gżejjer ibatu minnha, nemmen li aktar ħidma f’dan il-kuntest tista’ tkun ta’ benefiċċju kemm fejn jidħlu n-nies, imma wkoll fejn tidħol l-industrija u n-negozji żgħar u medji” qalet l-MPE.
Il-MPE kompliet tgħid li t-tranżizzjoni l-ħadra hija aspett importanti ieħor għall-gżejjer tagħna – tranżizzjoni li ma tippreżentax biss sfidi imma anke opportunitajiet fil-kuntest tal-ekonomija ċirkolari, l-ekonomija l-blu u t-turiżmu sostenibbli. Dan jekk ikun hemm l-assistenza neċessarja.
Dan ir-rapport ġie vvutat fil-kuntest ta’ realta’ t’inflazzjoni u ż-żieda fil-prezzijiet minħabba l-effetti tal-pandemija u l-gwerra fl-Ukrajna. Realta’ li għandha impatt akbar fuq il-gżejjer li jaffaċjaw żvantaġġi ġeokrafiċi permanent.
Il-MPE Josianne Cutajar li nnegozjat dan ir-rapport f’isem is-Soċjalisti Ewropej, saħqet li d-dikjarazzjoni li l-Unjoni Ewropea għandha tidħol f’patt mal-gżejjer tagħha hi waħda importanti fiż-żminijiet li qed ngħixu fihom. Il-gżejjer għandhom bżonn aktar flessibilta’ inkluż fejn jidħlu għodod bħall-iskemi t’għajnuna mill-istat u r-regoli “de minimis”.
“L-isfidi permanenti li jaffaċjaw il-gżejjer tagħna jeħtieġu soluzzjonijiet effettivi, li jmorru lil hinn mill-pandemija” temmet tgħid il-MPE Cutajar.