Żewġ voti ta’ fiduċja b’saħħithom fil-ħidma tal-MPE Josianne Cutajar dwar cybersecurity

Il-MPE Josianne Cutajar kellha ġimgħa ta’ suċċess fi Brussell, hekk kif ingħatat żewġ mandati b’saħħithom f’żewġ kumitati differenti b’rabta ma’ inkarigi leġiżlattivi li jikkonċernaw cybersecurity.

L-ewwel votazzjoni tat appoġġ qawwi lill-mandat ta’ Cutajar bħala n-negozjatriċi ewlenija fil-Kumitat għall-Industrija u t-Teknoloġija (ITRE) dwar l-inklużjoni ta’ Servizzi ta’ Sigurtà Immaniġjati (MSS) fl-Att tal-UE dwar cybersecurity , bl-għan ta’ qafas komuni Ewropew li jipprevjeni l-frammentazzjoni tas-suq Uniku. Il-kumpaniji li joffru dawn it-tip ta’ servizzi speċjalizzati għandhom rwol kruċjali sabiex jassistu lil dawk li m’għandhomx għarfien espert intern, bħall-SMEs u l-awtoritajiet lokali tagħna. “Irridu niżguraw li dawk li m’għandhomx biżżejjed ħiliet u riżorsi mhux biss jibbenefikaw minn dawn is-servizzi speċjalizzati li jgħinuhom fil-ħtiġijiet tagħhom, iżda wkoll  jingħataw l-opportunita’ li jikkontribwixxu fil-qasam cybersecurity. Hu essenzjali li dawn is-servizzi jsiru aktar affordabbli u aċċessibbli,” saħqet il-MPE Cutajar.

Matul din l-istess ġimgħa, il-ħidma ta’ Dr Cutajar bħala n-negozjatriċi Soċjalista għall-pożizzjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu dwar l-Att dwar is-Solidarjetà Ċibernetika rċeviet appoġġ unanimu. Dan l-Att għandu l-għan li jtejjeb il-kapaċità tal-Unjoni li tħejji lilha nnifisha, tidentifika, u tirrispondi għal inċidenti ċibernetiċi li qegħdin dejjem jiżdiedu. Il-MPE Josianne Cutajar enfasizzat l-importanza strateġika ta’ dan is-settur, filwaqt li fakkret fil-konsegwenzi, potenzjalment devastanti, li attakki ċibernetiċi fuq l-ajruporti, il-portijiet, il-ferroviji, u l-awtomatizzazzjoni dejjem tikber tal-vetturi tagħna, jista’ jkollhom.

F’kumment konklussiv dwar iż-żewġ voti b’saħħithom ta’ fiduċja f’ħidmietha, il-MPE Cutajar tenniet l-importanza tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-qasam cybersecurity, filwaqt li saħqet dwar l-importanza ta’ forza tax-xogħol Ewropea li tkun imħejjija tajjeb u speċjalizzata fejn tidħol is-sigurta’ onlajn.

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn